Bħala parti mill-kampanja SORT IT OUT li għaddejja bħalissa biex tħeġġeġ aktar separazzjoni tal-iskart fid-djar, ir-residenzi kollha f’Malta u Għawdex issa huma intitolati li jiġbru sett ta’ erba’ kontenituri. Karatteristika importanti ta’ dan is-sett hu li dawn il-kontenituri huma stackable – jiġifieri jistgħu jitqiegħdu fuq xulxin u għalhekk huma adegwati anke għal residenzi iżgħar, minħabba li ma jieħdux ħafna spazju fl-art.
Dawn il-bins griżi għandhom għotjien b’kuluri differenti; iswed għal skart imħallat, abjad għal skart sanitarju, kannella għall-ħġieġ, u aħdar għall-iskart riċiklabbli mħallat. Il-kontenituri għandhom ukoll tabella fuq l-għatu biex jgħinu lir-residenti jisseparaw l-iskart kif suppost. Barra minn hekk, il-pubbliku ġenerali qed ikun imħeġġeġ biex juża l-boroż fil-kontenituri b’dan il-mod: il-borża sewda għall-kontenitur bi skart imħallat; il-borża ħadra jew griża għall-kontenitur bir-riċiklaġġ imħallat; u l-borża sewda għall-iskart sanitarju. Għalkemm l-iskart imħallat u dak sanitarju għandhom jintremew it-tnejn li huma f’boroż suwed, il-kontenitur tal-iskart sanitarju għandu fih filtru għal tal-apposta maħsub biex jelimina l-irwejjaħ li l-iskart sanitarju jista’ jiġġenera. L-iskart tal-ħġieġ normalment jitqiegħed għall-ġbir f’kaxxi tal-kartun. Għalhekk m’hemmx għalfejn tintuża borża f’dan il-kontenitur.
Ir-residenti għandhom joħorġu BISS il-boroż u mhux il-kontenituri għal fini ta’ ġbir ta’ skart bieb-bieb u skont l-iskeda ta’ ġbir ta’ dik il-lokalità partikolari. Hu importanti li wieħed jiftakar biex joħroġ il-borża t-tajba fil-ħin u fil-jum li suppost tinġabar.
Wara li nħarġet sejħa pubblika għall-offerti, id-distribuzzjoni ta’ dawn il-kontenituri ġiet fdata lil Green Skips Services Ltd, li bdiet minn Għawdex u issa kompliet bit-tqassim f’Malta. Green Skip Services Ltd għażlet Ta’ Qali bħala l-ewwel post ta’ distribuzzjoni minn fejn il-membri tal-pubbliku jistgħu jiġbru l-kontenituri tagħhom mal-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità jew kont tad-dawl u ilma. Il-ġabra qed tkun irreġistrata elettronikament. Green Skip Services Ltd se żżid aktar punti ta’ distribuzzjoni fil-futur qarib u diġà qiegħda f’kuntatt ma’ għadd ta’ Kunsilli Lokali biex tiddetermina l-aħjar postijiet minn fejn isir il-ġbir.
Wasteserv ser tkompli tikkomunika l-aġġornamenti dwar il-postijiet il-ġodda tad-distribuzzjoni, inkluż il-ġranet u l-ħinijiet meta se ssir id-distribuzzjoni, abbażi tal-informazzjoni sottomessa lil Wasteserv mid-distributur.
Aktar tagħrif u aġġornamenti jinsabu fuq il-paġna ta’ Wasteserv fuq Facebook https://www.facebook.com/wasteserv, fejn il-pubbliku qed ikun mistieden biex jibgħat il-mistoqsijiet tiegħu.