Il-Qorti Kostituzzjoni kkonfermat id-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti biex id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta ma jibqax jagħti sehmu fl-investigazzjoni dwar il-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
B’reazzjoni, il-Gvern qal li s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali hija prova ċara li f’pajjiżna għandna rule of law li taħdem fejn il-Qrati jissindikaw bl-ikbar libertà, indipendenza u awtonomija l-awtoritajiet investigattivi u l-awtoritajiet ta’ pajjiżna. Kien innutat ukoll li l-Qorti ċaħdet it-talba tal-familja Caruana Galizia biex jiġu riveduti l-atti u d-deċiżjonijiet diġà meħuda fl-investigazzjoni, minħabba l-fatt li l-investigazzjoni wasslet biex il-Pulizija tressaq tliet persuni l-Qorti, akkużati bl-omiċidju tal-blogger.
Għall-kuntrarju għal dak li qalet l-ewwel Qorti, il-Qorti Kostituzzjonali ma sabitx ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem għax ma ġiex provat li l-investigazzjoni u l-miżuri li ttieħdu biex jiġu identifikati l-mandanti tad-delitt kellhom xi nuqqas.
Min-naħa tiegħu, il-Korp tal-Pulizija qal li s-Sur Valletta rtira mill-każ b’mod immedjat wara d-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti u se jimxi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kostituzzjonali.
Intant l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ppubblika ittra ta’ sebgħa paġni li fiha wieġeb lill-Avukati Ingliżi tal-familja Caruana Galizia li talbu għall-inkjesta pubblika.
L-Avukat Ġenerali talab lill-familja ta’ Caruana Galizia biex jiċċaraw it-talbiet tagħhom u staqsa jekk jaqblux ma’ inkjesta pubblika dwar jekk l-awtoritajiet statali naqsux milli jħarsu lil Caruana Galizia.
Waqt li spjega bosta punti legali huwa qal li jistenna li jingħata tweġiba għalihom.