B’rabta mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li sostniet li pajjiżna ma kisirx il-liġi dwar il-ħatriet tal-ġudikanti, il-Partit Laburista qal li din id-deċiżjoni tikkonferma kemm l-attakk tal-Partit Nazzjonalista fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huwa wieħed inġust.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-attakk tal-Oppożizzjoni huwa inġust aktar minħabba li dan l-attakk kontra Malta kontinwament isir barra minn xtutna.
Ġie spjegat kif f’dan il-każ, l-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Therese Commodini Cachia, kienu minn ta’ quddiem nett jassistu biex tinfetaħ din il-kawża kontra pajjiżna.
Intqal kif il-kawża wriet li lil hinn mid-diskors partiġġjan, ir-riformi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna saħansitra kienu mill-iktar ambizzjużi.
“Din is-sentenza hija konferma oħra tar-rieda li għandu l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela li jimmodernizza l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna”, saħaq il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied jgħid li fuq kollox, dan hu test ieħor għal Bernard Grech li mhux biss għandu jieqaf jattakka l-istituzzjonijiet u jieqaf idoqq l-istess diska tal-predeċessur tiegħu iżda għandu tal-anqas jikkundanna l-esponenti tiegħu li barra minn xtutna jagħmlu manuvri kontra pajjiżna.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/20/malta-ma-kisritx-il-ligi-fil-hatriet-tal-gudikanti-il-qorti-ewropea-tal-gustizzja/