Is-sentenza ta’ ħtija li tat il-Qorti fil-konfront ta’ Godfrey Leone Ganado kienet rebħa kontra l-mibegħda. Stqarr dan il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard, li bħala avukat fetaħ il-kwerela kontra Leone Ganado fuq hate speech fi Frar li għadda.
Dan wara li Ganado ppubblika kliem ta’ tixwix u mibegħda fil-konfront tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll lil kull min jappartjeni lill-Paritit Laburista.
Il-kandidat Laburista saħaq li, bid-deċiżjoni tal-lum fil-konfront ta’ Leone Ganado, saret ġustizzja.
Daniel Attard tenna li, quddiem dawn l-attakki, hu se jibqa’ jkun it-tarka tal-Laburisti, b’din il-kawża tkun biss waħda minn sensiela ta’ kawżi li ressaq ’il quddiem biex nies qrib l-establishment Nazzjonalista, bħal Godfrey Leone Ganado, ma jibqgħux għaddejjin b’dan it-tixrid ta’ tixwix u mibegħda.
“Dawn l-azzjonijiet ħadthom għax nemmen u nisħaq li ħadd mhu ’l fuq mil-liġi, li liġi trid tgħodd għal kulħadd l-istess u llum inġedded l-impenn tiegħi li ma nkunx biss il-vuċi tagħkom, imma wkoll it-tarka tagħkom, mhux biss bil-kliem, imma anke bl-azzjoni”.
Dr Attard temm jgħid li l-espressjoni ħielsa ma tagħti dritt lil ħadd li jxerred il-mibegħda u kliem dispreġġjattiv fil-konfront ta’ ħaddieħor.
AQRA WKOLL: