Is-sentenza fil-konfront tal-qattiel ta’ Pelin Kaya, Jeremie Camilleri, se tingħata fil-5 ta’ Marzu li ġej, b’ċerti rapporti oħrajn jissuġġerixxu li s-sentenza tista’ tlaħħaq sa 37 sena ħabs.
Is-sentenza se tkun qed tingħata eżatt xahar wara li Camilleri ammetta li qatel lill-Pelin Kaya nhar it-18 ta’ Jannar tal-2023, fi Triq Testaferrata fil-Gżira. Hemmhekk Camilleri, li nstab li kien taħt l-effett tal-kokaina u l-alkoħol, tajjar lil Kaya, li kienet għadha kemm iċċelebrat it-30 sena tagħha, bil-vettura tiegħu, filwaqt li wara ħareġ u beda jgaralha l-ġebel waqt li kienet mejta fl-art.
Camilleri, li għandu 34 sena, jinsab akkużat b’14-il akkuża u fil-5 ta’ Frar irtira ċ-ċaħda li kellu għal dawn l-akkużi.
Fil-Qorti, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li kienet qed tippresedi s-seduta, qalet li hi m’għandha ebda obbligazzjoni li taqbel mal-ammont ta’ snin fis-sentenza msemmija fir-rikors li ġie ppreżentat lilha mill-partijiet.
Fis-seduta li għaddiet, intqal li d-Difiża, kienet informat li l-ammissjoni ta’ Camilleri kienet frott diversi taħditiet u ftehim bejn il-partijiet, fosthom mal-qraba tal-vittma.