Is-sena li għaddiet u dik ta’ qabilha, skont ir-rekords ta’ pajjiżna kemm ilha tinżamm l-istatistika huma l-inqas sentejn li qatt kien hemm serq mid-djar f’pajjiżna.
Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu, meta kien qed jirreaġixxi għall-artiklu tat-Times of Malta b’rabta ma’ xi każijiet ta’ serq mid-djar.
Huwa qal li n-nies m’għandhomx għalfejn jallarmaw ruħhom, dan minħabba li mir-rapporti wieħed jista’ jara tnaqqis drastiku.
Il-Ministru spjega kif ta’ kull sena isir crime report minn Professur tal-Kriminoloġija li jagħti ħarsa reali dwar is-serq f’pajjiżna. Camilleri qal li mir-rapport li ħareġ is-sena l-oħra, wieħed jista’ jara d-differenza bejn għoxrin sena ilu u llum.
Qal, “Pajjiżna fl-aħħar snin irnexxielu jnaqqas ir-rata tal-kriminalità. Biex inġibu ftit eżempju, fl-2004, ir-rata tal- kriminalità għal kul elf persuna f’Malta kienet ta 45. Is-sena l-oħra, għoxrin sena wara, fl-2024, dik niżlet għal 30. Mela allura qed tara xi progress għamilna.”
Fl-analiżi tiegħu, Camilleri qal li taħt Gvern Laburista, pajjiżna qed jara tnaqqis fis-serq u dan grazzi għall-investiment li sar fil-Korp tal-Pulizija.