Waqt li dibattitu ieħor Parlamentari, din id-darba dwar l-estimi tal-ambjent, l-enerġija u l-indafa pubblika, il-Ministru responsabbli Miriam Dalli semmiet kif, fost l-oħrajn, f’dawn il-ġimgħat qed jinfetħu 40,000 metru kwadru oħra ta’ spazji miftuħa, bil-proġetti jsiru minn Project Green, Ambjent Malta u l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi u l-Ambjent, l-ERA.
Dan kollu qed iwassal biex b’kollox, sal-aħħar ta’ din is-sena, 35 spazju ieħor miftuħ b’kobor ta’ 144,000 metru kwadru se jkunu nfetħu wara investiment ta’ miljuni kbar ta’ ewro. Ma’ dawn ukoll se jkunu tħawlu mas-6,000 siġra u arbuxell ġodda.
Dr Dalli spjegat kif Project Green waħedha, bħalissa, qed taħdem fuq 118-il proġett b’valur ta’ €350 miljun, li qed jirriżultaw f’madwar miljun u seba’ mitt elf metru kwadru ta’ spazji miftuħa li x-xogħol fuqhom se jsir sas-sena 2027.
Bħala parti minn dan, sal-aħħar ta’ din is-sena, Project Green se tkun ħarġet sejħiet għall-offerti għal 22 spazju ieħor miftuħ, bis-sentejn li ġejjin jesperjenzaw l-aktar xogħol fuq proġetti simili.
Fost dawn hemm dawk ambizzjużi, bħall-ġnien f’Bormla li se jiġi żviluppat fuq il-post fejn kien se jinbena d-dormitorju tal-Università Amerikana kif ukoll il-proġett tas-Siċċa f’Birżebbuġa.
“Ninvestu l-miljuni, imma mhix l-aktar ħaġa li nħobb nagħmel enfasi fuqha. Vera rrid nispjega kemm inkunu qegħdin nonfqu f’dawn il-proġetti, anke bħala att ta’ trasparenza, imma l-akbar valur ta’ dawn il-proġetti mhuwiex il-flus, imma hu l-ispazju li nħoloq, li tkun sebbaħt żona, imma li fuq kollox il-familji u ż-żgħażagħ ikollhom fejn imorru jirrilassaw flimkien. Tkun ħarġa sabiħa li ma tiswiehomx ħafna flus.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru qalet kif dan hu Gvern li ssibu miegħek dejjem, fejn anke ħalla l-prezz tal-enerġija stabbli, tnaqqset it-taxxa u anke jitħaddem mekkaniżmu kontra l-għoli tal-ħajja, liema lkoll flimkien iħallu eluf ta’ ewro żejda fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin fis-sena.
Fakkret ukoll, iżda, kif il-prezzijiet tal-energija ma’ pajjiżi oħrajn juri kemm pajjiżna jinsab fi stadju aħjar, fejn anke nistgħu niftaħru bħala pajjiż li bqajna l-orħos.
Rigward il-proġett tat-tieni interconnector, il-Ministru semmiet kif ġie ppubblikat l-akbar tender, dak għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable ta’ taħt il-baħar, li waħdu hu stmat li se jiswa €185 miljun, bil-mira tibqa’ li dan il-proġett ikun lest fl-2026. Dan il-proġett, li se jiswa mat-€300 miljun, se jgħin ukoll biex ikomplu jonqos it-tniġġis.
Il-Ministru Dalli fakkret kif, is-sena l-oħra, tħallsu ma’ €60 miljun f’feed-in-tariffs biss, waqt li, sa l-aħħar t’Ottubru din is-sena, diġà se jkunu tħallsu €58 miljun.
Semmiet ukoll l-interess kbir muri fl-investiment fil-pannelli u fil-batteriji domestici għall-ħażna tal-energija, fejn din is-sena kien hemm 1,856 applikazzjoni, li ngħataw €5 miljun f’għajnuniet.
Fost l-azzjonijiet li hemm mistennija, qalet kif il-Gvern Malti qed jaħdem biex iwettaq l-akbar proġett li qatt sar fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, bil-mira li l-pajjiż jipproduċi 300MW ta’ enerġija mir-riħ miż-żona ekonomika esklussiva.