Joseph Mizzi, magħruf li ngħata mal-€4 miljun f’senserija wara li l-kumpanija BWSC ingħatat il-kuntratt kontroversjali għall-bini tal-impjant tal-enerġija li kien jaħdem bil-Heavy Fuel Oil, ġie ordnat mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex, flimkien mal-kumpanija Typset Company Limited, irodd €1.7 miljun lill-kumpanija Associated Supplies Limited.
Is-somma kienet stabbilita fuq provi li tressqu quddiem il-Qorti bħala s-senserija li l-kumpanija ta’ Mizzi rċeviet mill-BWSC f’kont wieħed bankarju. Minkejja dan, l-istess Qorti m’eskludietx li s-somma kienet akbar minn hekk.
Is-sentenza, li ngħatat fl-aħħar jiem, waslet wara li Mizzi nstab ħati li kiser il-provvedimenti ta’ Artiklu tal-Kodiċi Ċivili u tal-obbligi kkuntrattwali tiegħu ma’ Associated Supplies Limited biex kompla jinnegozja personalment mal-kumpanija barranija biex tieħu t-tender multi-miljunarju mill-Gvern Malti.
Mizzi, li kien impjegat mal-Associated Supplies Limited fi rwol ta’ maniġer, kien inkarigat biex f’isem il-kumpanija jiftaħ negozjati mal-BWSC u jassistiha biex tikseb it-tender għall-estensjoni tal-power station f’Dellimara.
Dak iż-żmien, biex il-BWSC rebħet it-tender, il-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi kien mar kontra d-deċiżjoni tal-Kabinett tiegħu stess li, fil-produzzjoni tal-elettriku, jelimina l-aktar fuel li jniġġes fid-dinja.
Agħar minn hekk, il-Gvern kien saħansitra naqqas il-liġi ambjentali ta’ pajjiżna biex ikun jista’ jakkomoda lill-BWSC, li għaliha kien qed jidher f’pajjiżna Joseph Mizzi.
Din id-deċiżjoni kienet deskritta skandaluża, iżda anke l-għoti tal-kuntratt kien meqjus bħala l-akbar skandlu fl-istorja nazzjonali. Fix-xhieda tiegħu dwar il-każ, meta investigat u kkritikat bl-aħrax mill-Awditur Ġenerali, Mizzi kien qal, għal diversi drabi, li ma ftakarx id-dettalji kif ġraw.
Il-kumpanija Associated Supplies Limited, li magħha kien impjegat Mizzi, dak iż-żmien ukoll kienet titqabbad mill-Enemalta biex tagħtiha l-pariri.
Fl-2011 hi ressqet rikors kontra Joseph Mizzi, li kien ilu impjegat tagħha bħala General Technical Manager mill-1991.
Minkejja dan, il-kumpanija saret taf mill-midja li, wara li assenjatlu r-rwol biex jiffaċilita l-proċess lill-BWSC u temm l-impjieg magħha, Mizzi kompla jinnegozja mal-kumpanija Daniża personalment b’abbuż tal-kuntratt li kellu.
Il-BWSC spiċċat ingħatat it-tender fil-valur ta’ mija u ħamsa u sittin miljun ewro.
Fil-Qorti ġie esebit kont bankarju tal-Lombard Bank fejn il-kumpanija Typeset irċeviet is-somma, bħala senserija, ta’ kważi miljun u seba’ mitt elf ewro mingħand il-BWSC.
Minkejja dan, il-Qorti temmen li l-ħlas tal-commissions kien akbar, anke meħud kont tar-rati li kienu qegħdin jiġu diskussi bejn il-kumpanija Associated Supplies Limited u l-BWSC fl-ewwel lok. Għaldaqstant staqsiet fejn seta’ mar ammont ieħor ta’ flus.
Fil-fatt Associated Supplies Limited argumentat li mill-2007 ’il quddiem il-kumpanija ta’ Mizzi rċeviet aktar minn żewġ miljuni u seba’ mija u sebgħin elf ewro kif jirriżulta mill-Financial Statements tal-istess kumpanija, ammont li jaqbeż sew ir-rata ta’ wieħed fil-mija kummissjoni li l-istess Joseph Mizzi qal li ħa.
Fis-sentenza tagħha, waqt li qalet li setgħet toqgħod biss fuq il-provi li rriżultaw, l-Imħallef Anna Felice sabet lil Mizzi ħati li kiser il-provvedimenti tal-Kodiċi Ċivili u anke l-obbligi li kien marbut bihom fil-kuntratt mal-kumpanija fejn kien impjegat oriġinarjament.
Għaldaqstant ordnat lil Mizzi u Typeset Company Limited flimkien biex iħallsu d-danni lil Associated Supplies Limited fl-ammont ta’ miljun, sitt mija u sebgħa u disgħin elf, sitt mija u tmienja u ħamsin ewro favur is-soċjetà Associated Supplies Limited.