Is-Senat Amerikan ma sabx lil Donald Trump ħati li inċita l-vjolenza u instiga l-irvellijiet li seħħew lejn tmiem it-terminu Presidenzjali tiegħu, fil-Capitol Hill. Waqt is-smigħ tal-ġuri fis-Senat, wara li fil-Kamra tar-Rappreżentanti, Trump ġie impeached għat-tieni darba, is-Senat reġa’ ħelisha lil Trump.
Dik deskritta bħala rebħa għal Trump waslet wara li numru sew ta’ Repubblikani ma vvutawx biex Trump jinstab ħati. Fil-fatt kien hemm bżonn 17-il Senatur Repubblikan li jivvutaw kontra Trump. Il-maġġoranza tas-Senaturi sabu lill-eks President Amerikan ħati iżda biex xi ħadd jinstab ħati kien hemm bżonn żewġ terzi tas-Senaturi li jivvutaw favur il-ħtija ta’ Trump. Fil-fatt kienu 57 Senatur li sabu lil Trump ħati kontra 43 Senatur li sabuh mhux ħati.
B’dan l-iżvilupp l-eks President Amerikan jista’ jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali tal-2024. Dan kien l-iktar ġuri ta’ impeachement qasir fl-istorja politika Amerikana hekk kif ġie konkluż f’ħamest ijiem.
Fis-6 ta’ Jannar, waqt attività politika barra l-White House f’Washington DC, Trump u wliedu fost oħrajn appellaw lill-folla quddiemhom biex ma jċedux u ma jaċċettawx ir-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali mirbuħa minn Joe Biden. Trump kien talab lin-nies biex jiġġieldu għall-kawża tiegħu. Trump baqa’ sal-aħħar ma jikkonċedix u anki ħadha kontra Mike Pence, dak iż-żmien il-Viċi President tal-Istati Uniti.
Fil-ħin li l-Kungress Amerikan kien qed jiċċertifika r-riżultat tal-elezzjoni, numru ta’ dimostranti favur Trump taw is-salt u daħlu fil-Capitol Hill, il-binja fejn hemm il-qalba tal-Gvern Amerikan. F’dawn l-irvellijiet mietu ħames persuni.