Tul is-sena li għaddiet il-Pulizija ressqet mija u sebgħa u sebgħin persuna l-Qorti mixlija li saqu taħt l-influenza tax-xorb.
Minn tagħrif mogħti bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari joħroġ li mija u wieħed ħamsin tressqu f’Malta u sitta u għoxrin tressqu Għawdex.
Ma’ dan l-istazzjon l-Ispettur Nicholas Vella mit-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija spjega li l-Pulizija twaqqaf kull vettura li tissuspetta li qed tinstaq minn persuna taħt l-influenza tax-xorb.
“Il-pulizija meta jkollha suspett raġjonevoli li persuna tkun qed issuq taħt l-influezna tal-alkoħol għandha dritt twaqqaf u wkoll tagħmel test ta’ breathilyser fuq il-persuna biex tikkonferma s-suspett tagħha jekk dik il-persuna kinitx qed issuq taħt l-influenza tal-alkoħol.”
L-ispettur Vella qal li l-limiti tal-alkoħol f’test huma ftit ħafna, iżda semma li kull persuna għandha livelli ta’ tolleranza differenti.
“Dan il-persuna jiġi sottomess għal test imbgħad il-Pulizija tara jekk jaqbisx il-livell stipulat mil-liġi tal-ammont ta’ alkoħol fis-sistema tal-persuna. Din hija 22 mg per 100 ml of breath. Minn hemmhekk il-persuna tiġi avżata li ħa tittella’ l-Qorti u hemmhekk titressaq il-Qorti.”
Il-pieni għal min jinqabad isuq xurban huma ta’ elf u tmien mitt ewro u jew sitt xhur ħabs l-ewwel darba, iżda dawn jitilgħu għal tliet elef ewro u jew piena ta’ sena priġjunerija jekk tkun it-tieni darba jew iżjed.
L-ispettur Vella wissa li meta persuna tkun taħt l-influenza tal-alkoħol, hija ma jkolliex il-kontroll assolut tal-vettura.
“Meta inti tixrob qatt m’għandu jiġu assoċjat mas-sewqan. Inti meta persuna ssuq għandha tara li tkun friska u l-menti tagħha jkunu luċidi speċjalment li l-alkoħol itellfek minn din il-luċidità.”