Is-sena l-oħra kienu 283 il-vapuri tat-turisti li waslu pajjiżna, b’medja ta’ 1,730 passiġġier fuq kull vapur. Dan ifisser żieda fl-għadd ta’ vapuri tat-turisti li daħlu Malta, meta mqabbel ma’ 106 vapur u medja ta’ 1,339 passiġġier għal kull bastiment fl-istess perjodu tal-2021.
Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, tul is-sena li għaddiet l-għadd ta’ passiġġieri liġew b’vapuri li rmiġġaw f’pajjiżna kien ta’ 489,571. Minn dawn, 59.3 fil-mija ġew minn Stati Membri tal-UE.
Il-maġġoranza, ċioe 53.1 fil-mija, kienu nisa. Ħafna passiġġieri kellhom bejn 40 u 59 sena, b’total ta’ 170,857. Dawn kienu segwiti minn passiġġieri ta’ bejn 60 u 79 sena, li laħħqu l-144,695.
L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika wkoll ċifri dwar l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, u kif dawn jikkumparaw mal-istess perjodu fl-2021.
L-għadd totali tal-passiġġieri li ġew bil-vapur bejn Ottubru u Diċembru 2022 ammonta għal 103,553.
B’kollox daħlu 61 vapur tat-turisti matul ir-raba’ kwart tal-2022, żieda ta’ 27 meta mqabbel mal-kwart korrispondenti tal-2021.
Maġġoranza ta’ dawn il-passiġġieri kienu fi tranżitu. Bħala medja, kull vapur li rmiġġa f’Malta ġarr 1,698 passiġġier, 374 aktar mill-2021.
Il-passiġġieri mill-Istati Membri tal-UE kienu jammontaw għal 58.3 fil-mija tat-traffiku totali. Is-swieq ewlenin kienu l-Italja – 16.8 fil-mija tat-total tal-passiġġieri – segwita mill-Ġermanja, b’16.1 fil-mija. In-numru totali tal-passiġġieri minn pajjiżi mhux tal-UE kien 43,203, li 35.3 fil-mija minnhom ġew mir-Renju Unit u 31.7 fil-mija ġew mill-Istati Uniti.