Waqt li indirizza konferenza dwar il-futur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’pajjiżna, il-Ministru responsabbli Roderick Galdes ħabbar li, matul l-2024, ġew allokati xejn inqas minn 514-il unit ġdid f’diversi lokalitajiet wara investiment qawwi ta’ madwar €40 miljun.
Minbarra hekk, hu sostna li, permezz t’investiment ieħor t’aktar minn €52 miljun, 1,391 familja saru sidien ta’ darhom bejn l-2017 u l-2023.
Il-Ministru spjega kif, is-sena l-oħra, sar ukoll investiment ta’ madwar €18-il miljun biex mal-5,700 familja bbenefikaw mis-sussidju tal-kera u s-sussidju relatat mal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Hawn enfasizza wkoll fuq il-progress li sar fis-suq tal-kirjiet, fejn, sa tmiem is-sena l-oħra, kienu rreġistrati aktar minn 66,000 kuntratt taħt il-liġi l-ġdida tal-2020.
“Illum qed niddiskutu ukoll il-Viżjoni Malta 2050 fejn mhux biss qed naraw il-viżjoni tal-Gvern anke f’dan is-settur, imma tajna ħarsa lejn it-twaqqif tal-Awtorità tad-Djar fejn rajna wkoll safejn wasalna u fejn irridu mmorru wkoll, fost oħrajn, anke bl-investiment li qed jagħmel il-Gvern f’aktar units tas-social housing biex inkomplu nnaqqsu l-waiting lists, il-mod kif anke naġġornaw l-iskemi tagħna biex jirriflettu wkoll is-soċjetà, li qed tinbidel illum, fosthom anke kif għamilna issa bl-Equity Sharing li se nniżżluha għall-età ta’ 25 sena.”
Il-Ministru Roderick Galdes
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, irringrazzja lil dawk kollha preżenti u wera s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess li kisbet il-konferenza bejn l-istakeholders kollha involuti.
Hu tenna li l-futur tas-settur lokali jista’ jkompli jitfassal permezz ta’ iżjed djalogi simili.
“It-trasformazzjoni li qed nagħmlu fl-Awtorità tad-Djar illum hi fuq livell operattiv minsusa fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali, dik li hi tant għal qalbna u l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali ma tfissirx biss li tagħti l-għajnuna lil min għandu bżonnha, imma li tagħti għajnuna lil min għandu bżonnha fil-ħin li għandu bżonnha u, allura, dik titlob minna ħafna responsabbiltà biex inkunu effiċjenti u effikaċi fl-operat tagħna.”
Matthew Żerafa, Kap Eżekuttiv, Awtorita tad-Djar
Fil-konferenza, intervjeniet ukoll is-Segretarju Ġenerali ta’ Housing Europe, Sorcha Edwards, li tat ħarsa komparattiva tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’diversi pajjiżi Ewropej.