Is-sena l-oħra s-Servizz ta’ Kontra l-Ibbuljar tratta tliet mija u sitta u sittin każ ta’ bullying fost it-tfal fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.
Din iċ-ċifra propju ħarġet f’konferenza bit-tema ‘Vjaġġ Biex Insolvu d-Differenza ta’ Bejnietna: Ninvesti fit-tfal’, fejn ġiet diskussa is-sistema ta’ ġustizzja ristorattiva fl-iskejjel ta’ pajjiżna.
Hawnhekk intqal kif is-sena skolastika li għaddiet, rat elf, mija u tmienja u tmenin intervent minn professjonisti ma’ studenti individwali dwar bullying, filwaqt li kien hemm tmenin intervent ma’ klassijiet.
Mija u tmienja u għoxrin intervent sar mal-ġenituri jew kustodji tat-tfal.
Din il-konferenza, organizzata mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà ġabret flimkien bosta edukaturi, akkademiċi, professjonisti psikosoċjali u organizazzjonijiet oħra.
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li tmexxi l-fondazzjoni, għamlet referenza wkoll għall-każ riċenti ta’ bullying fuq tifla ta’ 12-il sena, li saħqet kif dan mhux każ iżolat għax hemm aktar tfal li sfortunatament huma vittmi ta’ bullying.
Intant mit-tnedija tal-proġett ta’ ġustizzja ristorattiva f’Diċembru li għadda, saru numru ta’ attivitajiet mat-tfal fejn tqajmu diskussjonijiet dwar l-effettività tal-kastig, flimkien mal-importanza tal-maħfra.
Dan il-proġett qed jara l-għajnuna ta’ Professur f’Universita Amerikana, li spjegat kif studju wara studju juru li l-ġustizzja ristorattiva fl-iskejjel u l-qrati jipproduċu riżultati pożittivi.
Fil-fatt, tfal involuti fi programmi simili f’pajjiżi oħra wrew inqas tendenza lejn il-vjolenza.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Ġustizza Edward Zammit Lewis, li t-tnejn tennew kif proġett bħal dan se jgħin biex tinbidel il-mentalità fost it-tfal tagħna għal soċjetà aktar inklussiva u empatetika.