Matul is-sena tal-pandemija, il-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità ffukat fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Dan intqal mill-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tas-sena li għaddiet.
Intqal kif hawnhekk inħolqot taskforce li ġabret entitajiet differenti biex jiddiskutu l-impatt kbir li ħalliet il-pandemija, fosthom dawk mhux governattivi.
Qalet, “U ġabet flimkien dawn l-entitajiet biex speċifikament nitkellmu fuq l-impatt tal-miżuri jew l-impatt tal-pandemija fuq il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.”
Ġie spjegat li matul l-elfejn u għoxrin kien hemm erba’ mija ħamsa u sebgħin talba għal investigazzjonijiet.
Dan ifisser nuqqas ta’ mija erbgħa u ħamsin talba mis-sena ta’ qabel, hekk kif fl-elfejn u dsatax kien hemm sitt mija disgħa u għoxrin talba.
Intqal kif fis-sena tal-pandemija kien hemm żieda ta’ ħamsa u sebgħin fil-mija fit-talbiet għal investigazzjonijiet dwar impjieg, waqt li kien hemm nuqqas ta’ tlieta u sittin fil-mija ta’ dawk li talbu li jkun hemm investigazzjoni dwar l-edukazzjoni.
Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabiltà qalet kif is-sena li għaddiet inġabru kważi elfejn mija u sittin Blue Badges, li kienu skaduti u m’għadhomx validi.
Intqal kif inħarġu elfejn mija wieħed u sebgħin Blue Badge u tlett elef mija erbgħa u tletin EU Disability Cards.
Qalet, “Imma rridu nimxu lil hinn mill-infurzar, fejn tidħol l-aċċessibiltà fiżika u nimxu għal drittijiet oħrajn ukoll għaliex fl-aħħar mill-aħħar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabiltà mhumiex biss dak li jasal minn post għall-ieħor, dak huwa essenzjali imma wkoll għandhom drittijiet tagħhom fejn jidħol l-impjieg, l-edukazzjoni u nsomma l-lista ma tispiċċax.”
Preżenti waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli li qalet kif il-Gvern qed issaħħaħ dan is-settur permezz ta’ liġijiet ġodda.
Spjegat, “Dan ir-rapport qed juri r-relevanza li għandha s-CRPD fil-komunità fuq il-postijiet tax-xogħol, fis-soċjetà inġenerali u issa rridu naraw illi nagħmlu l-pass li jmiss illi nsaħħu l-infrastruttura tal-infurzar, l-investigazzjoni ta’ din il-Kummissjoni biex hekk qed inkunu verament nagħtu servizz tajjeb lill-persuni b’diżabilità.”