Is-sena l-oħra, l-għadd ta’ studenti li attendew korsijiet fʼxi waħda mit-33 skola tat-tagħlim tal-Ilsien Ingliż żdiedu b’2,379, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li s-sena l-oħra, l-għadd ta’ studenti kien ta’ kważi 81,000. Dan filwaqt li sena qabel ġew aktar minn 78,500 student għal dan il-għan.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ ukoll li l-maġġoranza tal-istudenti li attendew xi kors tal-Ingliż ġew mill-Italja, Franza u l-Ġermanja. Bil-maġġoranza tagħhom, kważi 74% huma studenti minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li s-sena l-oħra, l-aktar li ġew kienu nisa b’aktar minn 61% tat-total ta’ studenti li ġew jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ ukoll li aktar minn 28% tal-istudenti li ġew kellhom inqas minn 16-il sena. Waqt li 22% tal-istudenti kienu dawn li għandhom bejn is-16 u s-17-il sena.
Fl-2024, l-aktar xhur bieżla għal dawn l-iskejjel tal-Ingliż f’pajjiżna kienu f’Lulju, f’Awwissu u f’Marzu.