L-ammont ta’ enerġija elettrika ġġenerat is-sena li għaddiet mill-pannelli fotovoltajċi li huma mqabbdin mal-grilja elettrika tal-pajjiż żdied bi 13.2 fil-mija meta mqabbel mal-2021, u laħaq valur stmat ta’ 289.5 GWh.
Dan tħabbar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO), li qal li fl-2022 l-istokk ta’ installazzjonijiet ta’ panelli f’pajjiżna kien ta’ 32,452. Minn dawn, 85.2 fil-mija kienu installati f’Malta u 14.8 fil-mija f’Għawdex u Kemmuna.
Fl-2022, is-settur domestiku kien jirrappreżenta 93.5 fil-mija tal-istokk totali tal-istallazzjonijiet ta’ pannelli fotovoltajċi, filwaqt li 5.7 fil-mija kienu fis-settur kummerċjali u 0.8 fil-mija fis-settur pubbliku.
Fl-2022, il-qawwa massima tal-pannelli ammontat għal 221,148.1 kWp, li jfisser żieda ta’ 8.3 fil-mija meta mqabbel mal-2021. Is-settur kummerċjali kien responsabbli għal 52 fil-mija tal-kWp totali, is-settur domestiku kkontribwixxa 45.6 fil-mija, u s-settur pubbliku 2.3 fil-mija.