Id-daqqa ekonomika fuq pajjiżna kawża tal-pandemija kienet ferm inqas minn dak imbassar mill-Kummissjoni Ewropea.
Mill-ewwel riżultati lokali għas-sena l-oħra, is-sena li fiha faqqgħet il-pandemija, jidher li frott il-miżuri li ttieħdu mill-Gvern, id-daqqa ekonomika għal pajjiżna spiċċat kienet ta’ disa’ mitt miljun ewro.
Din hija terz inqas mit-telf mill-ispiża turistika, li laħħqet madwar biljun u tliet mitt miljun ewro.
L-ekonomija Maltija naqqset b’sebgħa fil-mija iżda dan huwa inqas minn dak previst hekk kif il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tgħid li l-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna se jsofri minn tnaqqis ta’ disgħa fil-mija u l-Bank Ċentrali ta’ Malta kien qed jistma li l-Prodott Domestiku Gross se jonqos bi tmienja punt tnejn fil-mija.
Fil-fatt il-livell tal-Prodott Domestiku Gross għas-sena l-oħra jidher li kien tliet mija u tletin miljun ewro aktar milli mbassar mill-Kummissjoni Ewropea u mitejn u tletin miljun ewro aktar milli bassar il-Bank Ċentrali.
Dan kollu jindika li t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, li kienet qalet li s-sena d-dieħla pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea diġà qed iseħħ, diversi xhur qabel ma kien imbassar.
Fil-fatt skont il-Eurostat, fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, ir-rata tal-attività ekonomika f’pajjiżna kienet ta’ tlieta punt tmienja fil-mija akbar milli kienet fit-tielet kwart ta’ dik is-sena.
Minbarra li din kienet l-ogħla rata ta’ tkabbir osservata fiż-Żona Ewro, ir-riżultati għal Malta jispikkaw aktar meta wieħed jikkunsidra li bħala medja, fl-istess perjodu, l-attività ekonomika fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro naqset b’nofs perċentwal.
Fil-fatt fost l-oħrajn, l-ekonomija Irlandiża naqset b’ħamsa punt wieħed fil-mija, dik Awstrijaka naqset bi tnejn punt sebgħa fil-mija filwaqt li fl-Italja u fi Franza kien hemm tnaqqis ta’ wieħed punt disgħa fil-mija u wieħed punt erbgħa fil-mija rispettivament.
L-ekonomija Maltija b’hekk issa ilha żewġ kwarti konsekuttivi tikber fuq il-kwart ta’ qabel.
Mill-ewwel stimi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li għas-sena l-oħra kollha kemm hi, il-Prodott Gross Domestiku laħħaq aktar minn ħdax-il biljun u nofs ewro.
Dan wara li jitqies l-effett tal-għoli tal-ħajja.
Minkejja l-pandemija, it-total ta’ dħul għall-ħaddiema f’pajjiżna tela’ għal kważi sitt biljun ewro, li jfisser żieda ta’ mija u tmienja u tletin miljun ewro, jew tnejn punt tlieta fil-mija aktar mill-ammont tal-elfejn u dsatax, meta ma kienx hawn pandemija.
Frott diversi miżuri li ħa l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, fosthom anki l-Covid Wage Supplement ġew salvati eluf ta’ impjiegi u r-rata tal-qgħad f’pajjiżna issa qiegħda fl-istess livelli tax-xhur ta’ qabel il-pandemija.
Il-livell ta’ investiment fil-pajjiż ukoll baqa’ ta’ kważi tliet biljun ewro, fost oħrajn, b’riżultat tal-ispiża kapitali qawwija fuq l-infrastruttura.