Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta juri li s-sena l-oħra l-ekonomija Maltija kibret b’4.4% fil-prodott domestiku gross.
Il-Bank Ċentrali saħaq li t-tkabbir baqa’ fuq il-medja storika tiegħu u kien xprunat mid-domanda domestika.
Ir-rapport jispjega li l-inflazzjoni f’Malta battiet għal 1.5% fl-2019 minn 1.7% fl-2018.
Il-Bank Ċentral spjega li għalkemm il-prezzijjiet bl-imnut telgħu xi ftit, dan ġie wkoll mill-infiq tat-turisti.
Is-sena l-oħra naqas ukoll id-dejn fil-prodott domestiku gross hekk kif pajjiżna kompla jamministra bilanċ pożittiv fil-kaxxa ta’ Malta.
Filwaqt li l-Bank irrimarka li fiż-żmien qrib, il-prodott domestiku gross ser ikun affettwat minħabba l-imxija tal-COVID-19, is-sena d-dieħla pajjiżna mistenni jkompli jara tkabbir.
“L-użu tal-ispazju fiskali maħluq fis-snin riċenti u l-istimolu monetarju mħabbar mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Marzu 2020, għandhom jgħinu jtaffu ftit l-impatt negattiv tal-Coronavirus fuq l-attività ekonomika f’Malta”, saħaq il-Bank Ċentrali li kompla mal-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu u l-fond monetarju internazzjonali jinnota li pajjiżna qiegħed f’qagħda fejn jista’ jimmanuvra fiskalment għaliex l-ekonomija ta’ pajjiżna hi waħda reżiljenti.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta spjega li s-sena l-oħra, il-bilanċ tal-bank kompla jespandi u laħħaq aktar minn disa’ t’elef, mitejn u tmienja u tmenin miljun ewro (€9,288.2 miljun).
Il-qligħ mill-operat tal-bank qabel it-trasferiment għal provedimenti żdied minn tmienja u tletin miljun ewro (€38.3 miljun) fl-2018 għal kważi ħamsin miljun ewro (€49.5 miljun) fl-2019.
Dan ġie primarjament minħabba żieda fil-qligħ kapitali, mill-bejgħ ta’ titoli u qligħ realizzat mil-likwidazzjoni parzjali ta’ fondi amministrati esternament.
Il-Bank spjega li t-tnaqqis fit-telf fir-rivalutazzjoni tal-prezzijiet fuq titoli kkontribwixxa wkoll b’mod pożittiv.
Wara t-trasferiment ta’ €18-il miljun għal provvedimenti, l-ammont ta’ €31.5 miljun kien pagabbli lill-Gvern ta’ Malta.