Fl-2019, l-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali wettqet 81% tal-miżuri li kienu ppjanati li jsiru fl-istess sena.
Fost l-oħrajn, ħarġu għall-konstulazzjoni pubblika u twettqu 10 settijiet ta’ standards, ingħataw 219 -il liċenzja, saru 990 spezzjoni, u ttellgħu 3 konferenzi nazzjonali.
L-istandards kollha li ġew ippubblikati saru b’avviż legali, u magħhom ingħataw linji gwida lil kull min ta s-servizz biex jiġi assigurat li l-messaġġ ta’ kif iridu jintlaħqu l-istandars, ikun ċar.
Is-sena l-oħra ġew ippubblikati standards relatati mal-adozzjoni, mas-settur tad-diżabilità, għas-servizzi residenzjali, dawk ta’ respite u għaċ-ċentri ta’ matul il-jum.
Fl-istess waqt sar xogħol biex jiġu regolati s-servizzi relatati mal-abbuż tal-alkoħol u sustanzi oħra permezz ta’ standards.
Il-maġġoranza tal-ispezzjonijiet saru fi djar residenzjali tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità.
Segwew l-ispezzjonijiet, l-għoti tal-liċenzji, u dawn ingħataw wara proċess rigoruż li matulu saru numru ta’ laqgħat u sessjonijiet ta’ informazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie preżentat dan ir-rapport, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella qal li r-riżultati jagħtuh kuraġġ għal aktar ħidma għal li ġej.
Is-Sur Vella stqarr, “Ilħaqna wieħed u tmenin fil-mija tal-miżuri li kienu pjanati, bnejna standards ġodda, ħriġna liċenzji ġodda kif ukoll rajna li naħdmu lkoll flimkien għaliex b’dan il-mod, is-settur tal-ħarsien soċjali ser inkomplu naħdmu flimkien biex nilħqu servizzi ta’ aktar kwalità.”
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li fl-aħħar xhur dawn l-istandards għamlu differenza sinifikanti fl-oqsma tal-addozzjoni u l-fostering, id-diżabilità u d-dipendenza fuq id-droga.
Il-Ministru Falzon saħaq, “Nawgura mhux biss il-ħidma t-tajba lil din l-Awtorità li diġà għamlet ħafna differenza fil-qasam imma ovvjament inkomplu naħdmu aktar ’il quddiem fid-djalogu kontinwu u miftuħ mal-istakeholders kollha fil-qasam soċjali.”