Is-sena l-oħra, l-Arċidjoċesi ta’ Malta għamlet qligħ ta’ miljun u mitejn elf ewro.
Dan intqal mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross, waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu.
Pace Ross qal li minkejja dan id-dħul, il-qligħ is-sena l-oħra kien ħafna inqas minn tas-sena ta’ qabel minħabba l-pandemija.
Dan hekk kif kien hemm nuqqas fil-qligħ ta’ tnejn punt tlieta miljun ewro mill-2019.
Terz tal-qligħ tal-Arċidjoċesi ġie mill-għajnuna li ta l-Gvern, fosthom il-Covid Wage Supplement u l-Fondi Ewropej, fost oħrajn.
Ukoll ma’ dan il-qligħ kien hemm wirt li rċevew id-Dar tal-Providenza u d-Dar tal-Kleru.
Huwa qal ukoll kif it-tnaqqis fit-turiżmu wassal biex id-dħul tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina u r-Rotunda tal-Mosta naqas bi tmenin fil-mija.
Naqqsu wkoll d-donazzjonijiet fil-Knisja fosthom anki minħabba li ma kienx qed isir quddies fil-knejjes kawża tal-imxija.
Min-naħa l-oħra, il-Kurja tal-Arċisqof irreġistrat telf ta’ erba’ miljun u nofs ewro.
Dan hekk kif il-Kurja ma rċevietx dividend mill-Bank APS fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Intqal kif l-għajnuna mill-Gvern bil-Covid Wage Supplement, għen sabiex l-Arċidjoċesi żżomm lill-impegati kollha u żiedet il-ħaddiema.
Intqal kif il-Knisja tat sussidju ta’ tmien mija u seba’ u ħamsin elf ewro lid-djar tat-tfal u d-djar tal-anzjani tagħha.
Pace Ross qal kif il-prospetti għal din is-sena huma aħjar minn tas-sena l-oħra, hekk kif fl-2021, il-Knisja se tirċievi d-dividend mill-Bank APS u s-sitwazzjoni mistennija tkun aħjar.