Is-sena l-oħra ngħataw ħamsa u erbgħin elf ħames mija u tmintax-il ċitazzjoni minn tlieta u għoxrin speed camera li jinsabu madwar il-pajjiż.
Minnhom, aktar minn tmienja u tletin elf kienu vetturi maqbuda li kienu għaddejjin b’veloċità li kienet sa ħmistax-il kilometru ogħla mil-limitu tal-veloċità stipulata filwaqt li kważi sebat elef vettura kienu għaddejin b’veloċità li kienet iktar minn ħmistax-il kilometru ogħla mil-limitu stipulate.
Is-sena li għaddiet tneħħew iż-żewġ speed cameras li kien hemm fil-ħruġ mill-mini ta’ Santa Venera, filwaqt li twaħħlu żewġ speed cameras ġodda fi Triq il-Kosta.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, meta imqabbel mal-elfejn u dsatax, il-kontravenzjonijiet għas-sewqan eċċessiv fit-toroq Maltin is-sena l-oħra naqsu bi ħmistax fil-mija.
L-iżjed speed camera li minnha ngħataw ċitazzjonijiet hi dik ta’ Ħ’Attard.
Minħabba li din l-ispeed camera tinsab f’żona residenzjali, l-ammont ta’ veloċità massima hija ta’ ħamsin kilometru fis-siegħa.
B’kollox mill-ispeed camera ta’ Ħ’Attard ingħataw kważi sebat elef u mitejn ċitazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores sostna li biex jitneħħew speed camera, jew jinbidel il-limitu tal-veloċità, hemm proċess sħiħ.
Qal, “Fejn ikun hemm bidla fit-triq, wieħed iqis liema konsiderazzjoni titlaq primarjament mill-awtorità tat-trasport, Transport Malta, jekk hemmx bżonn li tiċċaqlaq, jew tinbidel il-veloċità jew saħansitra titneħħa.”
Is-Sur Flores spjega li l-ogħla veloċità rreġistra minn speed camera matul is-sena li għaddiet kienet ta’ mija u disgħa u sebgħin kilometru fis-siegħa mil-camera ta’ Ħal Qormi direzzjoni lejn ir-Rabat.
Il-Kap Eżekuttiv sostna li l-istatistika turi li l-ispeed cameras qed inaqqsu s-sewqan eċċessiv fit-toroq Maltin.
Spjega, “L-ispeed camera qed tħalli l-frott. Hawnhekk qed nitkellmu fuq speed cameras fissi li qed jagħmlu moniteraġġ ta’ żona fejn qed naraw żona fejn ikun hemm numru ta’ inċidenti u jibda l-proċess ta’ installazzjoni ta’ waħda fissa.”