Kull sena fid-djar tal-anzjani madwar Malta u Għawdex qed jiżdied in-numru ta’ sodod.
F’tagħrif parlamentari li ngħata mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħareġ li s-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ ħames mija u wieħed u għoxrin sodda fid-djar tal-anzjani, fuq is-sena ta’ qabel.
Din kienet l-akbar żieda fl-aħħar ħames snin hekk kif fis-snin ta’ qabel iż-żieda kienet tvarja bejn mija u għoxrin sodda u tliet mija u tmienja u tmenin sodda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva Renzo De Gabriele qal li din iż-żieda hija notevoli anki minħabba li kienet waqt pandemija.
Spjega kif il-Gvern ħaseb għall-aktar sodod minħabba l-imxija u biex jipproteġi l-anzjani mill-virus tal-Covid-19.
Qal, “Waħda mir-regoli kienet li jkun hemm sodod ta’ kontinġenza. Sodod ta’ kontinġenza huma sodod vojta biex inti kif ikollok xi każ pożittiv tkun tista’ tiżolah ġo sodda għalih u ma jinfettax lil ħaddieħor. Allura għamilna sforz anke finanzjarju biex aħna nkunu nistgħu jkollna biżżejjed sodod u nixtru biżżejjed sodod ħalli jkollna dawn it-tip ta’ sodod ta’ kontinġenza fid-djar residenzjali mifruxin ma’ Malta u Għawdex kollu.”
Żied jgħidilna li l-pandemija ma kinitx l-unika raġuni għaliex kien hemm din iż-żieda fis-sodod fis-sena elfejn u għoxrin.
Spjegalna kif dejjem ikun hemm każijiet ta’ nies li minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew nkella raġunijiet soċjali jkollhom bżonn jidħlu fi djar tal-anzjani sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Minbarra n-numru ta’ sodod, ingħatat wkoll importanza lill-kwalità tas-sodod.
De Gabriele spjega ma’ ONE News kif ta’ sikwit isiru numru ta’ spezzjonijiet biex ikunu assigurati ċertu livelli.
Spjega, “Aħna nesiġu ċertu livell ta’ standards, jiġifieri mhux biss ammont ta’ sodod imma jkunu riflessi wkoll fi kwalità. Jiġifieri jsiru spezzjonijiet spissi minn naħa tal-Awtorità, minn naħa tagħna biex naraw li l-anzjani li jkunu residenti f’dawn id-djar ikunu qegħdin jieħdu l-aqwa kura u l-aqwa livell ta’ servizz.”