Matul is-sena li għaddiet, kien hemm numru rekord ta’ ritorn ta’ immigranti li waslu Malta b’mod irregolari u mingħajr dokumenti.
Dan joħroġ minn tweġiba parlamentari li ta l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri.
Huwa qal li sena li għaddiet, 448 immigrant irregolari ntbagħtu lura pajjiżhom fosthom erbgħin immigrant minn pajjiżi terzi li marru lura pajjiżhom b’mod volontarju.
Il-Ministru qal li dan ir-rekord ta’ ripatrijazzjonijiet matul is-sena li għaddiet huwa mertu tal-ħidma tal-Pulizija u t-Taqsima tar-Ritorn tal-Immigranti li ġiet imwaqqfa fl-istess sena.
“Aħna nemmnu li l-akbar messaġġ li Malta bħala pajjiż, kontra t-traffikanti tal-bnedmin, kontra t-traffikar tal-bnedmin, huwa li dawk li ma ħaqqhomx il-protezzjoni f’Malta jintbagħtu lura pajjiżhom, jiġu deportati lura lejn pajjiż tal-oriġini tagħhom.”
Huwa kompla jgħid li l-vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni ta’ immigranti rregolari lejn pajjiżhom fl-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet swew ftit anqas minn nofs miljun ewro, li minnhom kważi €400,000 huma mħallsa mill-Unjoni Ewropea.
Intant il-wasliet tal-immigranti irregolari f’Malta naqsu b’aktar minn 63% meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Ċifri uffiċjali li kiseb dan l-istazzjon juru li matul is-sena li għaddiet waslu fix-xtut Maltin 832 tmien immigrant irregolari.
Matul l-2020, l-ammont ta’ immigranti li żbarkaw f’pajjiżna kien ta’ 2,281 immigrant.
Il-Ministru Camilleri spjega li dan it-tnaqqis huwa riżultat tal-bidla fil-politika tal-Awtoritjiet Maltin sabiex immigranti rregolari li jaslu f’Malta minn pajjiżi meqjusa bħala siguri, qed jintbagħtu minnufih lura pajjiżhom.
“Meta Malta wriet li qed tkun serja ħafna f’dan ir-rigward, wasal ukoll sabiex kellek inqas wasliet fejn wieħed qed jirkupra l-wasliet tas-sena l-oħra meta mqabbla mas-snin ta’ qabel anke tara li wasliet matul is-sena l-oħra naqset drastikament. Jikkonferma li l-politika tagħna dwar l-ażil u l-immigrazzjoni li nkunu sodi ħafna imma nkunu ġusti, tfisser li qed tagħti l-frott.”
Matul is-sena li għaddiet l-Italja laqgħet aktar minn 66,000 immigrant, filwaqt fi Spanja ddaħħlu aktar minn 43,000 immigrant.
L-Organizzazjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni stmat li matul l-2021 l-awtoritajiet Libjani salvaw il’ fuq minn 32,000 immigrant irregolari fuq il-baħar.