Is-sena l-oħra ggradwaw total ta’ 5,833 student minn istituzzjonijiet edukattivi terzjarji.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn jirriżulta li kien hemm żieda ta’ tliet mija, wieħed u sittin persuna, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li aktar minn sittin fil-mija tal-gradwati s-sena l-oħra kienu nisa. B’dan ifisser li, għal kull mitt gradwat raġel, kien hemm mija, wieħed u ħamsin mara li laħqu din il-milja f’ħajjithom.
Skont iċ-ċifri tal-NSO, l-aktar li ggradwaw studenti kien f’livell ta’ baċellerat, fejn kien hemm aktar minn tliet elef persuna. Dawk fil-livell ta’ masters, qabżu l-elfejn persuna, filwaqt li, b’diploma f’livell ħamsa, kien hemm sitt mija u tmintax-il persuna u b’dottorat mija u sittax-il persuna.
Intqal kif il-maġġoranza assoluta tal-gradwati terzjarji kellhom bejn l-għoxrin u d-disgħa u għoxrin sena, li kienu jgħoddu għal aktar minn żewġ terzi ta’ dawk li ggradwaw matul is-sena li għaddiet.