Is-sena li għadda kif intemmet, l-2023, ġiet ikkonfermata bħala l-aktar waħda sħuna li qatt ġiet irreġistrata. Xjenzati mill-aġenzija tal-Ewropea, Copernicus Climate Change Service, ikkonfermaw dan hekk kif intqal li s-sena l-oħra kienet kważi wieħed punt ħames gradi Celsius ogħla mill-medja.
Minkejja dan, ir-rapport tax-xjenzati mill-Unjoni Ewropea qal li din is-sena l-ġdida mistennija tkun agħar minn dak li seħħ is-sena l-oħra.
It-temperatura medja għas-sena 2023 kienet iżjed minn dik li kien hemm fl-2016, hekk kif din tal-aħħar kienet l-aħħar sena rekord fit-temperaturi globali.
Intqal li dan ir-rekord intlaħaq minħabba żieda qawwija fit-tniġġis tad-dijossidu tal-karbonju. B’dan wassal għal temp estrem madwar id-dinja kollha, fosthom fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.
F’Pariġi fl-elfejn u ħmistax, kważi mitejn pajjiż qablu li l-massimu taż-żieda fit-temperatura kellha tkun ta’ wieħed punt ħames gradi Celsius, b’dan kien mistenni li jintlaħaq fi żmien tletin sena. Iżda skont dawn ix-xjenzati Ewropej dan għandu jintlaħaq matul din is-sena li għadna kif bdejna.
Is-sena l-oħra, is-sħana qawwija laqtet l-aktar ir-reġjun tal-Mediterran bi sħana qawwija u wasslet għal temp estrem, fosthom b’nirien qawwija fil-Greċja.
F’Malta wkoll għaddiet minn mewġa ta’ sħana qawwija f’Lulju li għadda, fejn wassal ukoll għal numru ta’ ħsarat, inkluż fil-qtugħ tad-dawl.
F’Lulju li għadda, f’laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jirdoppja l-investiment immedjat favur is-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl f’pajjiżna. Dan bħala parti minn investiment tal-Gvern ta’ €90 miljun biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ pajjiżna.