Is-sena li għaddiet, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni approvat l-ikbar numru ta’ proċeduri ta’ prokreazzjoni assistita minn mindu twaqqfet disa’ snin ilu.
Kienu 904 l-proċeduri li ġew approvati tul l-2021, iktar mid-doppju tal-proċeduri approvati s-sena ta’ qabel. Saru 194 ċiklu ta’ IVF (in vitro fertilisation) u 123 ċiklu ta’ IUI (intrauterine insemination), li flimkien irriżultaw f’57 tqala.
Dan jirriżulta mir-rapport annwali tal-istess entità, li tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.
Ir-rapport jispjega kif, minn 354 proċedura ta’ IVF, b’194 ċiklu li setgħu wasslu għal tqala, irriżultaw 51 tqala. Dan ifisser żieda ta’ 7.91 fil-mija fuq il-figuri rreġistrati s-sena ta’ qabel. B’hekk, ir-rata medja ta’ trabi li twieldu permezz tal-IVF f’Malta laħqet il-21.13 fil-mija, iġifieri żieda ta’ 5.69 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Madwar 70 fil-mija nqabdu tqal mal-ewwel prova tal-IVF, kważi 20 fil-mija laħqu dan l-għan mat-tieni prova, filwaqt li l-10 fil-mija l-oħra kienu suċċess mat-tielet jew ir-raba’ prova.
Fil-każ tal-IUI, irriżultaw 6 każijiet ta’ tqala, tnejn minnhom b’riżultat ta’ donatur tal-isperma.
Bħalissa hemm 23 omm li qed jistennew li jwelldu 25 tarbija minn proċeduri li bdew fl-2021.
Ir-rapport juri wkoll kif, mill-introduzzjoni tal-liġi tat-2018, li ppermettiet il-krijo-priservazzjoni tal-embrijuni, intużaw 364 embrijun f’ċikli tal-IVF sussegwenti matul l-2021, li kienet l-ewwel sena li fiha saru l-proċeduri b’rata normali wara tnaqqis fil-proċeduri fl-2020 minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.
In-numri ppreżentati fir-rapport annwali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni juru li, mit-twaqqif tal-Awtorita fl-2013 sal-aħħar tal-2021, twieldu 418-il tarbija: 404 mill-IVF u 14 mill-IUI. Minn dawn it-trabi, 260 twieldu minn proċeduri ta’ prokreazzjoni assistita fl-isptar Mater Dei u 158 tarbija twieldu wara proċeduri fi kliniki privati f’ Malta.