Nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Frar, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta temm iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena l-Ġdida Ċiniża 2024 bil-Kunċert tal-Festival tal-Fanali Ċiniżi fi Spazju Kreattiv.
Il-kunċert kien ippreżentat minn sitt mużiċisti li jiffurmaw parti miċ-China Broadcasting Chinese Orchestra, orkestra nazzjonali ewlenija Ċiniża stabbilita f’Beijing fl-1949.
L-udjenza Ċiniża u Maltija setgħet issegwi repertorju mill-isbaħ ta’ mużika folkloristika tradizzjonali Ċiniża li rat l-użu ta’ diversi strumenti mużikali tradizzjonali Ċiniżi fosthom: strumenti tal-korda – Pipa, Zhongruan, Yueqin, u Jinghu; strumenti tar-riħ – Suona, Sheng, u Hulusi; u perkussjoni.
Permezz ta’ għażla ta’ kompożizzjonijiet mużikali, partituri, arranġamenti u mużika antika, il-programm kien jikkonsisti minn għadd ta’ melodiji affaxxinanti. Il-ħila professjonali ta’ kull mużiċist kienet tassew evidenti fil-prestazzjoni tagħhom.
Il-potenzjal sħiħ ta’ kull strument mużikali ġie utilizzat biex tinħoloq mhux biss mużika iżda wkoll diversi ħsejjes oħra, bħal żwiemel jiżhru u n-nagħal tagħhom isabbat mal-art fil-kompożizzjoni ‘Horse Racing’, u l-ansjetà, il-biża’ u l-aggressjoni fil-mużika ‘Ambush from Ten Sides’.
Notevolment, xi wħud mill-mużiċisti kienu qed idoqqu aktar minn strument wieħed fl-istess kompożizzjoni. Kien affaxxinanti wkoll li tisma’ l-adattament tal-kanzunetta Maltija ‘Il-Festa’ li ndaqqet mill-istrumenti tradizzjonali Ċiniżi.
Il-mużiċisti parteċipanti Jiang Kemei, Feng Chaohong, Cui Junmiao, Sui Pingping, u Ma Li huma kollha meqjusa bħala Artisti Nazzjonali tal-Ewwel Klassi fiċ-Ċina.
Huma ħadu sehem f’diversi kunċerti kemm f’pajjiżhom, kif ukoll f’pajjiżi oħra madwar id-dinja. L-iżgħar mużiċista, Zhang Weiqi, rebħet premjijiet prestiġjużi f’numru ta’ kompetizzjonijiet mużikali distinti u daqqet f’orkestri prominenti Ċiniżi.
Jiang Kemei hija Prinċipal Onorevoli taċ-China Broadcasting Chinese Orchestra. Hija waħda mill-ftit artisti li kapaċi ddoqq il-ħames strumenti kollha fil-Familja Huqin li jmorru lura aktar minn 3000 sena, inklużi l-Erhu, il-Banhu, il-Jinghu, il-Gaohu u l-Zhongdu.
Feng Chaohong hija mużiċista magħrufa tal-Pipa u bħalissa hija s-solista taċ-China Broadcasting Chinese Orchestra. Cui Junmiao hija mużiċista popolari tal-Liuqin u l-Zhongruan u fil-preżent isservi bħala l-Prinċipal ta’ Liuqin u solista taċ-China Broadcasting Chinese Orchestra. Sui Pingping hija mużiċista ta’ talent kbir, partikolarment fid-daqq tas-Suona u x-Sheng u bħalissa għandha r-rwol ta’ solista fiċ-China Broadcasting Chinese Orchestra. Sui ddedikat ruħha biex tiret dan il-wirt kulturali intanġibbli, filwaqt li tgħallem u tippromwovi l-istrumenti tar-riħ Ċiniżi u tħarreġ mużiċisti żgħażagħ b’talent.
Ma Li huwa perkussjonist magħruf u bħalissa huwa l-Prinċipal tal-Perkussjoni taċ-China Broadcasting Chinese Orchestra. Zhang Weiqi hija mużiċista żagħżugħa tal-Pipa li għandha grad ta’ Baċellerat u Masters mid-Dipartiment tal-Mużika Folk tal-Konservatorju Ċentrali tal-Mużika.
Peng Yijun, Chargé d’affaires tal-Ambaxxata Ċiniża f’Malta, faħħar liċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta talli organizza dan l-avveniment. Huwa qal li “Fl-aħħar sena, ħafna gruppi mużikali professjonali Ċiniżi żaru Malta u taw spettakli mill-iprem. Dan jagħti opportunità tajba għal poplu Malti biex jifhem aktar iċ-ċiviltà taċ-Ċina u l-istorja kulturali twila tagħha.”
Mary Anne Gauci mill-Kunsill Malti tal-Arti qalet li “Il-Festival tal-Fanali Ċiniżi sar attrazzjoni popolari f’Malta li jgħaqqad id-djalogu kreattiv taż-żewġ kulturi differenti tagħna u ż-żewġ ċivilizzazzjonijiet antiki. Hawn Malta, aħna naraw liċ-Ċina bħala pajjiż sabiħ, in-nies tagħha jilqgħuk u huma tassew kreattivi, kultivati u intraprenditorjali. Mhux ta’ b’xejn li f’dan l-aħħar nofs seklu, bqajna qrib tant ta’ xulxin.
Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta huwa tassew katalist biex jissaħħu r-rabtiet b’saħħithom bejn il-pajjiżi tagħna, mhux l-inqas fi ħdan is-setturi tal-arti u l-kultura.”
Yuan Yuan, id-Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, kienet kuntenta ħafna bl-interess dejjem jikber tal-poplu Malti biex jipparteċipa f’avvenimenti kulturali lokali Ċiniżi.
Hija stqarret li “Hu ta’ pjaċir li nilqgħu l-miġja tas-sena l-ġdida Ċiniża b’kunċert tant mill-isbaħ. Ninsab ħerqana għal bosta avvenimenti oħra din is-sena biex naqsmu flimkien l-istorja, l-arti u l-kultura taċ-ċiviltà Ċiniża.”