Fil-ġimgħat li ġejjin, il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità ħa jkun mifrux mal-pajjiż kollu.
Ħabbar dan f’intervista ma’ ONE News il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, li tkellem dwar il-frott ta’ dan is-servizz, erba’ snin wara li beda bħala proġett pilota b’erba’ uffiċjali fil-Mellieħa.
Illum, ħamsa u tmenin fil-mija tal-pajjiż huwa kopert b’dan is-servizz, u fis-sena l-ġdida, se jkun estiż fost id-disa’ lokalitajiet li baqa’ biex il-popolazzjoni kollha tkun koperta b’dan is-servizz, li qed iwassal għall-prevenzjoni fil-kriminalità.
Qal, “Il-komunitajiet tagħna mhux sempliċiment qed jaraw Pulizija għaddej, imma jafu min hu dak il-Pulizija, għandhom il-contact number tiegħu, u għax qed jiltaqgħu miegħu b’mod regolari, qed tinbena aktar fiduċja.”
Hawnhekk innota kif din il-fiduċja, riżultat ta’ diskussjonijiet bejn il-Pulizija fit-triq u ċ-ċittadini, qed tissarraf f’kuxjenza dwar ċertu sitwazzjonijiet fis-soċjetà.
Fil-fatt, il-Kummissarju spjega li l-Korp waħdu, minkejja li għandu fi ħdanu elfejn u tliet mitt uffiċjal, ma jistax iżomm il-pajjiż sigur, għaliex jiddependi ħafna mill-parteċipazzjoni tal-pubbliku.
Stqarr, “B’dan is-servizz aħna qed innaqqsu l-kriminalità mhux għax qed ninvestigaw ir-reati, imma għax qed nidentifikaw il-problemi li jwasslu għall-kriminalità. Il-problemi aħna narawhom bħala l-għeruq tal-kriminalità.”
Għal dan il-għan, fis-sena l-ġdida wkoll, se jiġu ntrodotti uffiċjali ġodda tal-Patrol and Community, bħala parti minn miżura mħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla.
Hawnhekk, is-Sur Gafà spjega kif is-sistema Polizjeska ta’ Malta ssegwi ħafna dik tal-Ingilterra, u bl-istess mod kif ispirat minnha ġie ntrodott il-kunċett tal-Pulizija fil-Komunità, se jitħaddem il-proġett tal-Patrol and Community biex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq.
Din is-sistema ilha titħaddem fl-Ingilterra għoxrin sena, u toffri mezz ieħor ta’ assistenza Polizjeska, għaliex nies li forsi jixtiequ jidħlu fil-Korp iżda m’humhiex eliġibbli, jistgħu jingħaqdu f’dan is-servizz ġdid biex iżidu l-preżenza tal-Pulizija fit-toroq.
Qal, “Il-ħsieb huwa li dawn ma jkunux sworn officers, allura ma jkollhomx il-poteri tal-arrest u t-tfittxija, lanqas ikunu armati, imma xogħolhom ikun li jkunu eqreb lejn il-komunità.”
Dan kollu qed isir f’ħidma biex tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija fil-komunità, u tinbena aktar fiduċja bejn iċ-ċittadin u l-membri fil-Korp.
Stqarr, “Qed inkomplu nqarrbu lill-Korp tal-Pulizija lejn in-nies u nipprovdu dak is-serħan il-moħħ li hawn Pulizija fil-lokalità tiegħi li qed jipproteġini, kemm mal-ġurnata kif ukoll f’ċertu ħinijiet anki mal-lejl. Naturalment, għaddejjin bi studju biex naraw liem ħa jkunu dawk il-lokalitajiet li jkunu jeħtieġu din iż-żieda fil-preżenza tal-Police Community Support Officers, u għaliex le, nibdew bihom u l-ħsieb hu li nkomplu nestenduh għal lokalitajiet oħra.”