Bħalissa għaddejjin diversi proġetti ta’ rinnovar f’għases differenti madwar il-pajjiż biex l-uffiċjali tal-Pulizija jaħdmu f’ambjent aktar komdu.
Bl-istess mod, dalwaqt se tkun inawgurata flotta ġdida ta’ muturi biex min l-uffiċċju tiegħu huwa vettura, ukoll ikun jista’ jaqdi dmirijietu b’aktar effiċjenza u f’iktar kumdità.
Qal dan il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, f’intervista ma’ ONE News, li fiha tkellem dwar l-investiment li qed isir fl-uffiċjali.
“Proprju dal-ħin għandek l-għassa tal-Imsida li tinsab magħluqa għal rinnovar li għandu jieħu tal-inqas sena, hemm xogħol estensiv hemmhekk, matul is-sena li ħa nkunu qed nibdew ħa jkun qed jibda xogħol ukoll ġewwa l-għassa tal-Ħamrun li wkoll ikollha tingħalaq għal perjodu ta’ sena biex isir xogħol estensiv u xogħol ieħor f’numru ta’ għases oħrajn.”
Il-Kummissarju fakkar kif għal ċertu uffiċjali, l-uffiċċju huwa vettura, bħal dawk tar-Rapid Intervention Unit, li jagħmlu sigħat twal kuljum rondi madwar il-pajjiż. Iżda mhux biss.
“Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin ninawguraw flotta ġdida ta’ muturi li l-investiment fiha jaqbeż it-tmien mitt elf ewro. Dawn huma kollha investimenti li l-Korp qed jagħmel biex isaħħaħ l-effettività ta’ xogħlu.”
Lil hinn mill-infrastruttura, il-Kummissarju semma wkoll il-ħidma li qed issir biex tiġi offruta flessibilità, fejn possibbli, fix-xogħol tal-uffiċjali, anki wara r-rivoluzzjoni li ġabet magħha l-pandemija.
“Ħafna minn xogħolna jirrikjedi li nkunu fiżikament preżenti imma jeżistu areas li jagħtu l-faċilità lil ċertu membri tal-Korp li jaħdmu flexi hours u anki remote working. Għadna fil-bidu, ħa nkunu qed nevalwaw dan kollu, imma l-ħsieb huwa li dawn il-miżuri nkomplu nsaħħuhom għall-benefiċċju tal-membri tagħna, u fl-aħħar mill-aħħar, tal-Korp u s-servizz li nipprovdu lill-pubbliku.”
Il-Kummissarju elenka diversi miżuri li saru din is-sena li komplew jinvestu fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, fosthom l-uniformijiet il-ġodda, il-ftehim settorjali ġdid, u l-investiment fl-infrastruttura.
Dan kollu jibni fuq dak li sar fis-snin riċenti, fosthom bil-ħlasijiet tas-sahra fuq l-erbgħin siegħa, u b’rati msaħħa għall-extra duties.
Gafà fakkar kif fl-elfejn u għoxrin, kienet tnediete strateġija ta’ trasformazzjoni li qed tkompli ġġedded lill-Korp, u li se tkompli titwettaq tul is-sena li ġejja.
“Dak li rnexxielna niksbu matul dawn l-aħħar tliet snin, irridu nsostnuh għax huwa faċli li nerġgħu mmorru lura fejn konna imma dak li ksibna rridu nkomplu naħdmu ġurnata wara l-oħra biex insostnuh.”