Tul dawn l-aħħar sentejn il-Pitkalija f’Ta’ Qali rat investiment qawwi mill-Gvern; investiment li sar għall-benefiċċju tal-bdiewa kollha.
Fost l-investiment li sar ġie installat makkinarju ġdid, sar titjib fil-faċilitajiet u fl-infrastruttura kif ukoll fit-teknoloġija, fost tagħmir ieħor.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella,tkellem dwar l-investiment li sar u sostna li dan se jkompli s-sena d-dieħla.
“Bdejna bis-soqfa kollha, inbidlu biex ma jidħolx ilma minnhom. Tinsiex, hawn huwa post li għandu ammont ta’ żmien u għalhekk sar dak l-investiment fis-soqfa. Sar investiment fis-sistema tat-teknoloġija, li hi l-bażi biex aħna nkunu nistgħu nagħmlu r-riforma u l-ħtieġa għal governanza tajba u trasparenza u, ovvjament, il-bidwi dejjem fiċ-ċentru.”
Vella spjega li dan l-investiment kien ikopri wkoll investiment kbir fil-magna tal-ħasil tal-kaxxi; bidla li kienet waħda mistennija għal xi żmien.
“Sar ukoll investiment kbir fil-magna tal-ħasil tal-kaxxi, fejn kellna sitwazzjoni li l-kaxxi kien qed joħorġu maħmuġin u issa qed joħorġu nodfa, kif għandhom ikunu, għall-konsumatur. Kellna wkoll bidla fil-perċezzjoni tal-bidwi, li bil-mod il-mod qed indaħħlu aktar fiduċja mal-bidwi Malti biex il-bidwi jkun jaf li qed naħdmu fuq in-naħa tiegħu.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li għas-sena d-dieħla se jkun qed jitkompla l-investiment, li se jibni fuq dak li sar tul dawn l-aħħar sentejn.
“Għas-sena d-dieħla għandna diversi pjani u investimenti qawwija. L-ewwel nett, irrid ngħid li qed nippjanaw li ninvestu mhux inqas minn €400,000 sabiex ngħamlu pass ta’ kwalità ’l quddiem.”
Huwa spjega li, għas-sena d-dieħla, se jsir aktar investiment f’makkinarju għall-ippakkjar tal-basal u l-patata, fi provvista ġdida tan-netwerk għad-distribuzzjoni fl-istalls tal-Pitkalija, f’impjant tal-bojler, u fil-binja tal-ħasil tal-kannestri biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku, fost xogħol ieħor.