Minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent, il-Gvern se jibqa’ jagħti prijorità lill-qasam soċjali. Tant hu hekk li l-budget għas-settur soċjali għas-sena d-dieħla se jkun rekord ta’ kważi żewġ biljun ewro.
Dan qalu l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon fil-Parlament, waqt id-diskussjoni tal-estimi ta’ dan il-Ministeru.
Il-Ministru Falzon sostna li l-budget għas-sena d-dieħla għandu ruħ soċjali, u se jkun qed iwieżen lill-familji permezz tal-miżuri mħabbra.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali semma li għal kontra ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, il-pensjonijiet qed jiżdiedu sena wara oħra.
“In-nefqa fuq dak li huwa benefiċċju fuq il-pensjonijiet telgħet għal xejn anqas minn €800 miljun – qed nitkellem biss fuq dawk li huma pensjonanti. Jekk magħhom ngħoddu l-benefiċċji l-oħra li se jieħdu, hemmhekk, qed nitkellmu fuq €1.2 biljun.”
Apparti l-pensjonijiet, il-Ministru Falzon semma wkoll it-tfal, fosthom fil-kuntest tal-Iskema 9.
“Minn din is-sena stess diġà bdejna nwettqu dak li għedna fil-manifest, u min veru għandu l-bżonn mhux irid jagħżel bejn photocopies, uniformi, lunch f’nofsinhar… imma se jkunu intitolati għalL-miżuri kollha illi jaqgħu taħt Skema 9.”
Huwa fakkar li dan qed isir mingħajr ebda żieda f’xi taxxa jew bl-intriduzzjoni ta’ xi taxxa ġdida. Semma, fost l-oħrajn, il-miżura ta’ €600 miljun sabiex il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogi Soċjali, Andy Ellul, semma l-emendi li għamel il-Gvern fil-liġi għat-tfal.
“U kien dan il-Gvern, wara li kienet ilha għexieren ta’ snin – 30 sena fuq l-ixkaffa u ħadd ma ndenja ruħu biex jaqbad il-barri minn qrunu u jagħmel reviżjoni ta’ din il-liġi.”
Huwa qal li din il-liġi tinkludi, fost l-oħrajn, rapport obbligatorju meta professjonist jara li jkun hemm abbuż fuq minorenni.
Min-naħa tagħha, id-deputat Laburista Amanda Spiteri Grech semmiet iż-żieda fil-pensjonijiet u d-differenza minn żmien il-gvern Nazzjonalista.
“Ejja ma ninsewx li kien hemm żmien, taħt gvern Nazzjonalista, qajla kienu l-pensjonanti jieħdu ż-żieda tal-COLA sħiħa.”
Hija semmiet ukoll iż-żieda fil-carers’ grant, li telgħet għal €4,500 għal dawk li jieħdu ħsieb lil uliedhom adulti b’diżabilita severa.
Id-deputat Michael Farrugia semma d-differenza bejn il-gvern Laburista u l-gvern Nazzjonalista fi żminijiet ta’ kriżi.
“Aħna, għax tinteressana l-persuna, għax jinteressawna l-familji, għax jinteressawna n-negozji, għax tinteressana l-industrija u rridu nibqgħu aktar kompettivi, il-kontijiet m’għolewx.”
Id-deputat Chris Agius tkellem dwar kif dan il-Budget joffri s-serħan il-moħħ.
“Budget mimli miżuri soċjali, li jaħseb f’kulħadd, Budget li jkompli juri lill-poplu tagħna li għandu gvern li jmexxi b’ruħ soċjali, li jagħti serħan il-moħħ lill-poplu, li se jkun hemm dejjem sabiex jagħti l-appoġġ neċċessarju f’kull żmien anki fl-affarijiet diffiċli.”
Id-deputat Davina Sammut Hili iffukat fuq ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern.
“Żieda ta’ €160 miljun fuq is-sena l-oħra. X’differenza. Gvern Laburista jerfa’ l-piżijiet u jkompli jinvesti fil-politika soċjali, filwaqt li fiż-żminijiet passati kienu jkunu l-familji tagħna li jġorru dan il-piż.”