“I have invited Minister Borg to join at the head table, as on Monday at the Permanent Council reached consensus for Malta to serve as 2024 chair.”
Kien b’dan il-mod li ċ-Chairperson-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, Bujar Osmani, ħabbar li s-sena d-dieħla, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, se jassumi l-kariga ta’ Chairman ta’ din l-akbar organizzazzjoni reġjonali.
Nhar it-Tnejn, fil-kwartieri tal-organizzazzjoni fi Vjenna, l-Awstrija, Malta ngħatat l-appoġġ unanimu tas-57 pajjiż membru mill-Ewropa, l-Amerka u l-Asja biex tassumi dan ir-rwol importanti, b’turija ta’ fiduċja qawwija li tgawdi globalment.
Fil-bidu ta’ din il-laqgħa annwali Ministerjali tal-OSCE, iċ-Chairman preżenti Bujar Osmani rringrazzja lil Malta li qamet għall-okkażjoni u se ġġorr din ir-responsabbiltà. Innota kif Malta kienet minn ta’ quddiem biex tassumi din ir-responsabbilità importanti, fi żmien ta’ sfidi internazzjonali, bil-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.
“I’m grateful that many participating states joined in this quest and that the Republic of Malta has assumed the important responsibility and with the agreement of all the participating states stepped up to fill the vital role of the 2024 Chairperson-in-Office of the OSCE. Minister Borg, I salute your leadership in the OSCE’s hour of need.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov, li hija l-ewwel żjara tiegħu f’pajjiż tan-NATO minn kemm ilha li bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna fil-bidu tas-sena l-oħra.
Din iż-żjara qajmet ċerti tensjonijiet, bl-Ukrajna, il-Polonja u l-pajjiżi Baltiċi jirrifjutaw li jieħdu sehem.
Fit-tmun tal-Presidenza tal-OSCE, is-sena d-dieħla kellu jkun hemm l-Estonja, iżda r-Russja u pajjiżi oħrajn pro-Russi oġġezzjonaw. Ma’ dan, ir-Russja użat il-veto dwar l-operat ’il quddiem u anke l-baġit ta’ din l-organizzazzjoni.
Kien ftit ġimgħat ilu, meta pajjiżna ġie avviċinat biex is-sena d-dieħla tmexxi l-OSCE. Id-deċiżjoni formali dwar il-Presidenza Maltija tal-OSCE se tkun imħabbra l-Ġimgħa.