Is-sena d-dieħla pajjiżna se jkun qed jiffoka fuq tliet policies ewlenin – is-suq tax-xogħol, l-ospitalità u l-Viżjoni Malta 2050.
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, waqt il-ftuħ tal-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu, meta kien qed jiġi intervistat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
“L-idea wara din il-viżjoni li tħares f’terminu intermedjarju ta’ għaxar snin oħra – 2035 – fejn irid ikun il-pajjiż sal-2030 imma wkoll fejn irid ikun il-pajjiż sal-2050… Issa kif dik il-viżjoni se tgħaqqad l-enerġija, mal-edukazzjoni, mal-infrastruttura, mat-trasport, mal-politika tas-suq tax-xogħol. Li jkollok strateġija li tallinea flimkien dawn is-setturi differenti, tant kruċjali għal pajjiżna, mas-soċjal – imma mhux fejn ħa nkunu s-sena d-dieħla biss, imma fl-għaxar snin li ġejjin, għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru qal kif il-Partit Laburista fil-Gvern se jkompli jaħdem fuq il-politika tal-inċentiv, u mhux tal-awsterità. Huwa semma kif il-baġit li għadu kif ġie ppreżentat kien wieħed ferm b’saħħtu, minkejja li l-Gvern jinsab biss f’nofs il-leġiżlatura.
“Dawk huma r-realtaijiet f’pajjiżi b’ekonomiji li huma ħafna akbar minna, għaliex kienu gvernijiet li meta ġew għal deċiżjonijiet strateġiċi, l-awsterità. Aħna ħdimna bil-politika tal-inċentiv u dik il-politika tal-inċentiv, tfisser li int tagħti kuraġġ lin-negozji u lill-familji li jkollhom il-fiduċja f’pajjiżhom.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Meta kien qed jispjega dwar il-ġid ekonomiku li qed joħloq il-pajjiż, il-Prim Ministru qabbel is-sitwazzjoni f’Malta ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżi Ewropej, fejn il-popli tagħhom qed iġorru dawn il-piżijiet.
Dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta fl-isfera internazzjonali, il-Prim Ministru qal li l-Presidenza tal-OSCE u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda huma xhieda tal-fiduċja li għandhom dawn l-istituzzjonijiet f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru temm jgħid li fuq livell ta’ partit, il-Partit Laburista baqa’ partit rebbieħ, u qed ikompli jissaħħaħ bil-bidliet li saru.