Is-sena d-dieħla, il-ġid nazzjonali f’Malta mistenni jaqbeż dak li kellna fl-2019, qabel pandemija.
Dan skont rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fejn l-esperti qalu li għas-sena d-dieħla, l-ekonomija, jiġifieri l-prodott domestiku gross mistenni jikber b’5.9%.
L-analisti tal-Bank Ċentrali qalu li dan it-tkabbir ġej minn żewġ fatturi li affettwaw id-domanda domestika; l-qagħda finanzjarja tajba tal-familji kif ukoll s-suċċess tal-programm b’saħħtu ta’ tilqim.
Qalu li dan it-tkabbir ġej minkejja dħul ta’ restrizzjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar fis-settur turistiku.
L-esperti tal-Bank Ċentrali rrevedew ukoll ’il fuq it-tkabbir ekonomiku għal din is-sena u issa l-previżjonijiet huma tkabbir t’aktar minn 5% (5.1%).
Din ir-reviżjoni ’l fuq fl-ekonomija Maltija tmur id f’id ma’ dak li għamlu l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF u l-Kummissjoni Ewropea.
Jekk dan it-tbassir ekonomiku jimmaterjalizza jkun l-ogħla wieħed mill-2017 lil hawn.
It-tbassir ekonomiku tal-Bank Ċentrali għall-2021 jindika li l-investiment sejjer jikber b’10%, segwit bi tkabbir ta’ 8% s-sena d-dieħla.
Dan huwa parzjalment dovut għal spiża pubblika, imma fil-biċċa l-kbira dan se jirrifletti investiment privat.
Element importanti wara dan l-irkupru huwa l-antiċipazzjoni li l-familji Maltin u Għawdxin sejrin iżidu l-konsum tagħhom b’mod ferm qawwi.
Dan minħabba li fl-aħħar xhur huma faddlu ammonti rekord, li issa sejrin jonfqu b’mod gradwali la naqset tant l-inċertezza kawżata mill-pandemija.
Barra minn hekk kumpaniji li jesportaw qed jibdew jaraw titjib fid-domanda esterna u għalhekk qed iħossu l-bżonn li jinvestu aktar.
Ir-rapport isemmi fattur ewlieni wara l-ixprun tad-domanda domestika li huwa t-tkabbir fl-impjiegi.
Fil-fatt il-qagħda eċċellenti tal-qasam tax-xogħol waslet biex fil-fatt, Malta kienet wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa fejn l-impjiegi żdiedu minflok naqsu fl-2020.
Dan mistenni jkompli fis-snin li ġejjin.
Tant li r-rata tal-qgħad sal-2023 mistennija taqa’ għal 3.5%.
Mir-rapport joħroġ ukoll li fl-istess ħin li l-qgħad se jkompli jonqos, l-pagi mistennija b’mod konsistenti jogħlew b’rati akbar minn dawk tal-inflazzjoni.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jsemmi wkoll l-għajnuna qawwija li ta l-Gvern fosthom il-Covid Wage Supplement, bil-Bank Ċentrali jindika li d-defiċit ser jibda jonqos, tant li sal-2023 ikun ftit aktar minn terz tar-rata tas-sena l-oħra.
Barra minn hekk il-piż tad-dejn nazzjonali mistenni jibqa’ taħt ir-rata ta’ 64% tal-ġid nazzjonali, fost l-anqas fiż-Żona Ewro, u anqas mil-livell tal-2013.