Is-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija mistennija tilħaq il-livell tal-2019, jiġifieri s-sena ta’ qabel il-pandemija.
Dan skont tbassir ekonomiku mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
F’rapport magħmul mill-esperti tal-Bank Ċentrali jingħad li din is-sena, l-ekonomija se tikber b’4.9% u b’5.4% is-sena d-dieħla.
Dawn huma prattikament l-istess stimi li għamel qabel il-Bank Ċentrali.
Fi kliem l-esperti tal-Bank Ċentrali, is-suq tax-xogħol f’Malta wera reżiljenza eċċezzjonali hekk kif b’mod ġenerali, in-negozji rnexxielhom iżommu l-impjegati magħhom.
Intqal li sal-2023, it-tkabbir fl-impjiegi mistenni jilħaq kważi t-3%.
Ir-rapport iżid jgħid li b’mod ġenerali, id-domanda domestika hija mistennija li tkun l-istimolu ewlieni tat-tkabbir.
L-inflazzjoni, jiġifieri l-prezzijiet ta’ diversi prodotti mistennija tonqos matul din is-sena.
Id-defiċit tal-Gvern imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross mistenni jinżel, anki fil-kuntest li qed jiġu rilaxxati l-miżuri.
Sal-2023 id-dejn tal-Gvern se jkun ta’ 64% tal-Prodott Domestiku Gross.
Dan huwa ferm inqas minn dak li kien fi żmien kriżi ferm iżgħar minn dik tal-pandemija, hekk kif fl-2011, taħt il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, id-dejn ta’ pajjiżna kien ilaħħaq is-70.2% tal-Prodott Domestiku Gross.
Il-piż tad-dejn ta’ pajjiżna llum huwa wkoll iktar minn tliet darbiet inqas minn pajjiżi oħrajn Ewropej.
Dan kollu ntqal fil-kuntest li l-Gvern ta s-sostenn lil bosta familji u negozji, bil-miżuri t’għajnuna fosthom il-Covid Wage Supplement.
Intqal ukoll li l-konsum privat jista’ jkun b’saħħtu aktar minn dak imbassar minħabba żieda qawwija fid-domanda u t-tfaddil kbir akkumulat.
Dan anki f’kuntest li fl-aħħar xhur il-Bank Ċentrali stess kien qal li għall-ewwel darba fl-istorja, il-familji f’pajjiżna għandhom aktar minn €13-il biljun f’depożiti ma’ banek lokali.