Is-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija mistennija tikber bi kważi 6%.
Dan skont rapport li ħareġ il-Bank Ċentrali fi prospetti għall-ekonomija matul it-tliet snin li ġejjin.
Fil-fatt l-analisti tal-Bank Ċentrali qed isostnu li fl-2021, il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna jikber b’5.9%, fl-2022 mistenni tkabbir ta’ 4.4% fil-prodott domestiku gross filwaqt li fl-2023, l-ekonomija mistennija tara tkabbir ta’ 4.2%.
Dan wara li għal din is-sena, meta d-dinja kollha ffaċċjat pandemija, mistenni tnaqqis ta’ 7.5% fil-prodott domestiku gross.
F’rapport dettaljat, il-Bank Ċentrali jgħid li d‑domanda domestika hi mistennija li tkun l‑istimolu ewlieni tal‑irkupru f’Malta fis‑snin ta’ wara.
Ir-rapport ta’ prospetti ekonomiċi jgħid ukoll li minkejja t‑tnaqqis fis-sena tal-pandemija, is‑suq tax‑xogħol wera reżiljenza notevoli.
Fil-fatt skont il-Eurostat, għal ħames xahar konsekuttiv, f’Ottubru Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona Ewro u minn Mejju sa Ottubru, il-qgħad naqas bi kważi 1,300 persuna.
F’dan il-kuntest, il-Bank Ċentrali nnota li l‑miżuri fiskali kienu ta’ għajnuna kbira f’dan ir‑rigward.
Fost dawn kien hemm il-Covid Wage Supplement, li fl-aħħar budget li ħabbar il-Gvern għas-sena d-dieħla, reġa’ estenda din il-miżura.
Saħansitra l-esperti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jgħidu li r-rata tat-tkabbir fl-impjiegi hija mistennija li togħla gradwalment fis‑snin ta’ wara u tilħaq it‑2.5% fl‑2023.
“Despite the sharp contraction in 2020, the labour market has so far shown remarkable resilience. Unemployment initially rose during the first wave of COVID-19, but has since declined, as fiscal measures have been very supportive in this respect. Hence, employment growth is set to remain positive in 2020, though it will moderate from 2019. It is then expected to pick up gradually in the following years, reaching 2.5% in 2023. These forecasts constitute an upward revision from the previous set of projections.”
Dan it‑tbassir juri reviżjoni ‘l fuq mis‑sett preċedenti ta’ tbassir.
L-istudju tal-Bank Ċentrali jitkellem ukoll dwar li l-miżuri fil-kontroll tal-imxija li ħadet Malta kienu simili, jekk mhux aktar għal dawk li ttieħdu f’pajjiżi oħra fiż-żona Ewro.
Fost l-indikaturi, il-Bank Ċentrali jsemmi r-rata għolja ta’ ttestjar għall-Covid-19 li kellha u għad għandha Malta.
“During April and May, the response index for Malta was consistently higher than the euro area index. This reflects Malta’s heightened testing regime (H2), contact tracing procedure (H3) and facial covering policy (H6). During the summer months, the level of stringency declined in the euro area and in Malta.”
Dan ifisser li l-istampa li ħaddieħor jipprova jagħti, li Malta kienet laxka fil-miżuri kontra t-tixrid tal-virus, mhiex waħda li taqbel ma’ dik li ta l-Bank Ċentrali.
Fil-fatt il-Bank Ċentrali saħaq li l-Gvern impona miżuri restrittivi meta l-pandemija għolliet rasha iżda tat nifs anki lill-ekonomija meta bdew jonqsu l-każijiet ta’ persuni nfettati bil-Coronavirus.
Intant ir-rapport jisħaq li d‑defiċit se jibqa’ anki minħabba li l-Gvern qed isostni lill-familji u lin-negozji b’għadd ta’ miżuri, iżda s-sena d-dieħla d-defiċit mistenni jonqos għal 6.4% tal-prodott domestiku gross.