Tul is-sena d-dieħla l-Gvern ser ikun qed ikompli bl-investiment qawwi fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dan permezz ta’ bini ta’ iktar toroq arterjali, residenzjali u rurali. Fost il-proġetti ġodda li ser jinbdew hemm xogħol fuq il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Airport Intersection Project, il-Luqa Junction Project u l-Imsida Creek Junction. Dan filwaqt li ser isir xogħol ta’ manutenzjoni u titjib fuq diversi toroq residenzjali u rurali u r-rinovazzjoni fuq l-mini ta’ Santa Venera, Ħal Kirkop, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni.
Il-proġetti maġġuri tas-Central Link u l-junction ġdida li tinsab bejn Pembroke u High Ride, fis-Swieqi ukoll ser ikunu qed jitlestew is-sena d-dieħla.
Proġett pilota bl-isem ta’ ‘Safe Cycle Routes Project’ ser jara li jkunu indikati rotot aktar siguri u li jsir titjib f’toroq urbani sabiex ikun iffaċilitat l-użu tar-rota u l-mixi.
Il-budget għas-sena d-dieħla jinkludi fih ukoll it-titjib fl-infrastruttura madwar il-kosta li tinkludi fiha faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri li jużaw il-laneċ bħala mezz ta’ trasport f’Tas-Sliema u Bormla, Ta’ Xbiex, Buġibba u l-Birgu. Dan filwaqt li ser tkun qed issir il-manutenzjoni fuq mollijiet eżistenti u ser ikunu qed jitlestew ħames proġetti marittimi li għaddejjin bħalissa.