Daħal fi stadju avvanzat ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq ċentru f’ta Kandja li se joffri trattament speċjalizzat għal żgħażagħ li jkunu mirkuba mill-vizzju tad-droga jew li jkollhom problemi fl-imġieba tagħhom.
Iċ-ċentru se jitmexxa minn Caritas Malta u se jilqa’ fih madwar għoxrin żagħżugħ jew żagħżugħa. Id-direttur Anthony Gatt spjega li dawn il-persuni li jirċievu t-trattament jistgħu jkunu residenti jew imorru matul il-jum f’dan iċ-ċentru.
Huwa ċentru speċjalizzat għal adoloxxenti li ħa jkunu jistgħu jinqalgħu minn ambjenti li m’humiex tajbin għalihom u jiġu magħna f’daċ-ċentru u adoloxxenti li jistgħu jibqgħu mal-familji tagħhom imma għandhom bżonn dan l-intervent u jkunu magħna matul il-ġurnata.
Saħaq ukoll li meta tinfetaħ s-sena d-dieħla din ir-residenza se toffri wkoll alternattiva għall-qrati meta jiġu biex jagħtu piena li ma tinkludix sentenza fil-ħabs tal-YOURS, fl-Imtaħleb.
Dan filwaqt li se jibbenefikaw minn faċilitajiet mill-aqwa li jikkumplimenta mat-trattament li jkunu jeħtieġu l-persuni bil-vizzji.
Pitch, multi-purpose pitch, sports area fuq barra – hemm area għall-agrikoltura u għall-pet therapy – jiġifieri l-binja se tiġi tiswa’ ‘l fuq minn 3 miljuni.
Gatt rringrazzja lill-Gvern talli nkariga lill-Caritas minn dan il-proġett li fi kliem il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon se jimla vojt fil-qasam soċjali.
Din il-faċilita li matul is-sena d-dieħla ħa tkun qed topera timla biex ngħid hekk vakum li kien hemm fil-qasam soċjali f’dik li hija rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga. Sal-lum pajjiżna ma’ kellux ċentru li huwa dedikat għal minuri taħt it-tmintax-il sena mill-vizzju tad-droga. Dan iċ-ċentru jipprovdi purament hekk.