Waqt konferenza tal-aħbarijiet għand is-Soċjetà Mużikali Sant Andrija Ħal Luqa, is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li s-sena d-dieħla iktar għaqdiet mużikali rreġistrati bħala għaqdiet volontarji se jgawdu mill-Fond Festi Inklussivi b’valur ta’ €100,000, bl-għan li l-festi tradizzjonali Maltin jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbilità u l-anzjani.
Hu faħħar lis-Soċjetà Mużikali Sant Andrija li permezz tal-Fond Festi Inklussivi wettqet proġett biex il-prespepju li ħadmet u li issa qiegħed għall-wiri f’Ruma, permezz ta’ filmat li ħadmet, dawk b’diżabbiltà u anzjani bi problemi ta’ mobbiltà xorta waħda jistgħu jarawh fid-dettall u anki jifhmu kif inħadem.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li dan il-Gvern, għax jemmen li ħadd m’għandu jkun eskluż milli jgħix b’dinjità fis-soċjetà, qed ikompli jinvesti f’inizjattivi bħal dawn biex persuni b’diżabbiltà u l-anzjani jgawdu l-festi kif xieraq.
Qal li l-festa tibqa’ waħda mill-attivitajiet l-aktar sinifikanti f’Malta u f’Għawdex u ta’ importanza kbira għal raġunijiet varji, fosthom dawk reliġjużi u kulturali, li tlaqqa’ flimkien u toħloq l-opportunità għall-individwi sabiex jingħaqdu flimkien f’ambjent li jferraħhom. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li bħal kull fenomenu ieħor fis-soċjetà, il-festa għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, kif ukoll tkun opportunità eċċellenti fejn jinħoloq ambjent ekwu, fejn kulħadd jieħu pjaċir u jipparteċipa.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis ħeġġeġ lill-għaqdiet mużikali kollha biex joħorġu bl-ideat kreattivi tagħhom, u japplikaw għall-Fond Festi Inklussivi la jiġi varat is-sena d-dieħla, filwaqt li feraħ lill-membri tas-Soċjetà Mużikali Sant Andrija li kienu kreattivi u innovattivi biex bil-proġett volontarju tagħhom qed iferrħu firxa iktar wiesgħa tas-soċjetà.