Is-sena 2023 mistennija tkun waħda mimlija daqs bajda hekk kif pajjiżna se jservi fi rwoli importanti filwaqt li se jospita attivitajiet li se jkunu qegħdin idawru għajnejn pajjiżi ferm akbar minna fuq Malta.
Pajjiżna se jerġa’ jkollu siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti wara li Malta kienet diġà serviet f’dan il-Kunsill bejn l-1983 u l-1984.
Issa pajjiżna se jkun qed jokkupa din il-kariga sa tmiem l-elfejn erbgħa u għoxrin.
Malta se tkun qed tmexxi l-mandat tagħha fuq tliet binarji, li huma s-sigurtà, is-sostenibbilità, u s-solidarjetà. Permezz ta’ kampanja b’dawn it-temi, Malta kisbet vot b’saħħtu ferm fl-elezzjoni li saret aktar kmieni din is-sena.
L-impenji politiċi għal Malta, madanakollu, ma jiqfux hawnhekk. Dan għax matul is-sena elfejn, tlieta u għoxrin pajjiżna se jkun qiegħed jospita summit importanti, dak tal-MED9.
Pajjiżna se jkun qed jilqa’ lill-Mexxejja ta’ Franza, Spanja, l-Italja, il-Portugall, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, u s-Slovenja.
Fl-aħħar laqgħa għolja li kellhom dawn il-pajjiżi, ġew diskussi diversi temi fosthom l-enerġija, il-konnettività, u l-migrazzjoni.
Lil hinn mill-politika, il-kultura lokali se tkun qed tieħu l-ħajja fl-intier tagħha, hekk kif pajjiżna ħareġ bis-sħiħ mill-pandemija.
Għaldaqstant, fost id-diversi attivitajiet kulturali li jsiru madwar il-pajjiż kollu, l-aġenzija nazzjonali tal-festivals, Festivals Malta, se tkun qed torganizza numru ta’ avvenimenti tul is-sena kollha.
Kif imħabbar, Festivals Malta se tagħti bidu għall-kalendarju tagħha bil-Valletta Baroque Festival f’Jannar, imbagħad ikun hemm il-Karnival ta’ Malta fi Frar, il-festival Mużika Mużika f’Marzu, Ritmu u l-Malta International Arts Festival f’Ġunju, il-Malta Jazz Festival u d-Dance Festival Malta f’Lulju, in-Notte Bianca f’Ottubru, u The Three Palaces Festival u The Early Opera and Music Festival f’Novembru.
Ix-xena sportiva lokali wkoll se tkun qed tieħu l-ħajja b’diversi avvenimenti.
B’mod notevoli, pajjiżna mistenni jospita il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar bejn Mejju u Ġunju.
Permezz ta’ dan il-Logħob, pajjiżna se jkun qiegħed jilqa’ mal-elf atleta li se jkunu qegħdin jikkompetu f’għaxar dixxiplini sportivi, f’madwar ħdax-il faċilità sportiva.
Wara ħidma mir-Reġjun Lvant matul is-sena 2022, dan se jkun magħżul bħala r-Reġjun Ewropew tal-Isport għas-sena 2023.
Ir-Reġjun Lvant huwa kompost minn Birkirkara, Ħal Għargħur, il-Gżira, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, u Ta’ Xbiex u se jkun qed jorganizza numru ta’ avvenimenti sportivi.
F’avveniment ieħor, ix-xena tal-futbol Ewropea se jkollha ħarsitha fuq pajjiżna meta, matul is-sajf tal-2023, se tkun qed tilqa’ l-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-dsatax-il sena.
Matul l-2023, imbagħad, pajjiżna se jkun katalist fl-avvenimenti tal-komunità LGBTIQ+ fl-Ewropa hekk kif se ssit f’Malta l-Europride.
Dan se jsarraf f’ċertifikat pożittiv ieħor għal pajjiżna, li issa ilu għal diversi snin fil-quċċata ta’ tal-indiċi ILGA-Europe, b’punteġġ li jisboq id-disgħin fil-mija.
Pajjiżna organizza wkoll b’suċċess iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Pride March fil-Belt Valletta, li matul l-2023 se ddawwar ħarset l-Ewropa fuqna. Għall-ewwel darba fl-istorja, sar ukoll Pride March f’Għawdex.