Din is-sena li għadna kif bdejna ser tkun waħda li tinċentiva l-bżulija hekk kif il-budget imħabbar f’Ottubru li għadda introduċa numru ta’ miżuri pożittivi li ser jgħinu lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom.
Fil-fatt miżuri prinċipali hija t-tnaqqis tar-rata ta’ taxxa fuq l-overtime għal 15% fuq l-ewwel għaxart elef ewro.
Din il-miżura tfisser li l-ħaddiem se jkollu b’rata ta’ taxxa mnaqqsa fuq ħames mija u erbgħa u tletin siegħa flok fuq l-ewwel mitt siegħa kif kienet is-sena li għadha kif għaddiet.
Din il-miżura tapplika għal dawk li l-paga bażika ma taqbiżx l-għoxrin elf ewro u ma għandhomx pożizzjoni maniġerjali.
Minn din il-miżura se jgawdu aktar minn tletin elf ħaddiem b’nefqa ta’ sitt miljun ewro.
Din is-sena ser tara wkoll l-introduzzjoni ta’ għajnuna għal ħaddiema bieżla li jagħmlu xogħol part-time, hekk kif ir-rata ta’ taxxa għal xogħol part-time se tonqos minn ħmistax fil-mija għal għaxra fil-mija.
Dan filwaqt li biex igawdu minn pensjoni aħjar ser ikun hemm l-opportunità li l-ħaddiema jħallsu l-bolla fuq aktar minn xogħol part-time wieħed sa massimu ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa.
Intant dawk li jaħdmu mal-kuntrattur li jipprovdu servizz fis-settur pubbliku, fil-ħdud il-Gvern se jħallashom bid-doppja.
Bħala parti mill-Budget għal din is-sena ġew allokati wkoll madwar €11-il miljun għas-sena d-dieħla u b’hekk il-Gvern żamm kelmtu ma’ dawk li sofrew xi tip ta’ inġustizzja fl-imgħoddi.
Dawn ser ikunu għall-eks ħaddiema tax-xatt, tal-korpi, studenti ħaddiema u apprentisti li wara l-1979 daħlu mal-Gvern, bħall eksħaddiema tal-Gas Board u għall-apprentisti tal-Malta 13 Electricity Board li kienu ngħaqdu mal-Korporazzjoni Enemalta meta twaqqfet fl-1977. Il-werrieta ta’ persuni eliġibbli taħt it-tliet skemi se jgawdu ukoll mill-għotjiet.
Fid-diskors tal-Budget fil-Parlament il-Minsitru għall-Finanzi Clyde Caurana stqarr kif investiment fil-ħaddiema huwa investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Spjega, “Meta pajjiż jinvesti fil-ħaddiem, ikun qed jinvesti fil-kwantità ta’ dan ir-riżors. Jiġifieri ikun qed jara li jnaqqas ir-rata ta’ qgħad u jżid l-impjiegi. Iżda investiment fil-kapital uman imur lil hinn minn hekk għax huwa investiment fil-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza li jkollu l-ħaddiem.”