Is-sena l-ġdida se tkun aħjar mis-sena li ġiet fi tmiemha. Aħjar għall- familji. Aħjar għan-negozji. Aħjar għal pajjiżna. Kien b’dan is-sentiment li l-Prim Ministru Joseph Muscat sellem is-sena 2018 u ta merħba lis-sena 2019. Sena li Malta se tilqa’ b’ekonomija miexja b’saħħitha u b’suq tax-xogħol kompetittiv għall-aħħar. Dan, qal il-Prim Ministru, huwa l-ispirtu li għamel lil Malta l-aqwa fl-Ewropa, u li jista’ jagħmilha l-għira tad-dinja.
Fakkar kif anke tul din is-sena, il-Gvern ħoloq aktar xogħol u kompla jnaqqas il-faqar, iżda sostna li fadal nies li għandhom bżonn aktar għajnuna biex ilaħħqu mal-ħajja.
Il-Prim Ministru qal li l-pożizzjoni li fiha jinsab pajjiżna issa jagħtih kull ċans li jiffoka fuq il-futur u fejn irid jasal fiż-żmien li ġej. Sostna li Malta qed tħares lejn oqmsa bħall-Blockchain u l-Intelliġenza Artifiċjali:
“Mhux biex ninħlew f’ diskussjoni bejn ftit, iżda biex nassiguraw ix-xogħol tat-tfal li llum jinsabu fis-sekondarja, biex inserrħu ras min illum għandu 40 sena li se jkollhom pensjoni, li naraw li ma jkunux il-ħaddiema u dawk li jifilħu l-inqas li jħallsu l-prezz għal dawn il-bidliet. Irridu nkunu fost dawk li jiffurmaw il-futur u mhux inħallu li l-futur jiffurmana”.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal proġetti infrastrutturali ewlenin li bdew tul l-2018:
“Pajjiżna qatt ma ra daqshekk investiment f’infrastruttura pubblika f’ daqqa. Minn power station li permezz tagħha għandna kontijiet orħos u arja aktar nadifa, għal toroq ġodda li qatt ma rajna bħalhom, u toroq oħrajn li qed jingħataw il-wiċċ għall-ewwel darba. Minn impjanti li jsaffu d-drenaġġ u jagħtu lill-bdiewa tagħna ilma nadif għar-raba’ tagħhom, għal sistema ġdida ta’ separazzjoni ta’ skart u riċiklaġġ biex ikollna ekonomija ċirkolari u ambjent aħjar”.
Dr Muscat tenna li fl-2019 se tkompli tingħata prijorità lil dan is-settur, fosthom b’inizjattivi bħal dik tal-irkupru tal-fliexken tax-xorb, u sejħa għall-offerti għall-mina bejn Malta u Għawdex.
Fuq kollox, Malta qal se tara infrastruttura tas-saħħa tal-ogħla kwalità, fejn robots se jkunu qed jgħinu lilt-tobba fl-isptarijiet tagħna fl-operazzjonijiet. Dan filwaqt li l-Isptar Mater Dei se jara l-bini ta’ sptar tas-saħħa mentali ġdid biex tkompli titnaqqas l-istigma marbuta ma’ dan is-settur:
“Għandna l-infrastruttura soċjali, fejn minkejja li għandna l-inqas numru ta’ persuni qiegħda, qed inżidu n-nefqa tagħna biex ngħinu lil dawk li jifilħu l-inqas. Imbagħad għandna l-infrastruttura kulturali, bħal Mużew għall-Arti li ninsabu fih, parti mil-legat li se jibqa’ tal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea għall-Kultura, inizjattiva li serviet biex tiġbed eluf ta’ Maltin u Għawdxin lejn attivitajiet bla preċedent, u tiġbed mijiet ta’ eluf ta’ barranin lejn pajjiżna”.
Semma wkoll kif ftit tax-xhur oħra tintemm il-ħatra ta’ President tar-Repubblika ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, li fi kliemu għamlet biċċa xogħol eċċezzjonali:
“Il-President Coleiro Preca hija simbolu b’saħħtu ħafna għall- ugwaljanza bejn il-ġeneri, u role model għal eluf ta’ tfajliet u nisa li jridu jidħlu fil-ħajja pubblika. Is-saħħa tal-messaġġ li jingħata meta l-ogħla kariga tal-Istat tkun mara huwa kbir. Issa hemm bżonn li nkabbru dan is-sentiment u naraw li jkun istituzzjonalizzat”.
Fil-bidu tas-sena l-ġdida l-Gvern se jibda’ konsultazzjoni wiesa biex aktar nisa jagħtu sehemhom fl-ogħla istituzzjoniji ta’ Malta, il-Parlament. Fi kliem Joseph Muscat, “issa huwa l-waqt”, u l-Gvern jiddsikuti mal-partijiet kollha involuti, inkluż l-Oppożizzjoni, biex jaraw kif se jitwettaq il-mandat tal-poplu.
B’dan l-isess mod, il-Gvern se jkun qed iħares biex jimxi lejn il-Konvenzjoni Kostituzzjonali biex ikompli bil-bidliet meħtieġa biex Malta jkollha Kostituzzjoni ġdida.
Il-Prim Ministru temm jinnota li l-bidla saret esperjenza ta’ kuljum f’dawn il-gżejjer, tant li hija l-essenza li tagħmel lill-poplu Malti u Għawdxi wieħed progressiv.
Poplu progressiv, li fost oħrajn, fl-2019 se jkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li se jagħti d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena.
“Għalhekk, l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali se jkunu waqt storiku għal pajjiżna, u nħeġġeġ lit-tfajliet u ġuvintur kollha biex jieħdu sehem f’din il-wirja ta’ demokrazija b’saħħitha, f’rispett reċiproku lejn il-fehmiet ta’ kulħadd. Għaliex fuq kollox, aħna lkoll Maltin u Għawdxin”.