Minn stħarriġ tal-BOV-MHRA-Deloitte jirrużulta li l-lukandi għat-tielet kwart tas-sena, mistennija jilħqu numru rekord ġdid għall-wasliet tat-turisti.
Barra minn hekk, huwa stmat li matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-infiq tat-turisti kien diġà laħaq 1.5 biljun ewro. Dawn ix-xejriet pożittivi qed isarrfu f’titjib sinifikanti fil-prestazzjoni operazzjonali tal-lukandiera u tas-setturi l-oħra kollha li huma dipendenti fuq il-prestazzjoni tas-settur tat-turiżmu.
Il-Professur Peter Sharratt, Kap Strategic Advisory Services għal WSP fir-Renju Unit, li tkellem dwar il-ħtieġa għal aktar investiment fl-infrastruttura sabiex tiġi żgurata l-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur tat-turiżmu f’Malta.
Fl-intervent tiegħu, is-Sur Alfred Attard, uffiċjal Kap tal-Corporate Finance fil-Bank of Valletta, qal li r-riżultati eċċellenti li qed jinkisbu mill-industrija tat-turiżmu ħolqu sens ta’ ottimiżmu li qed jinkoraġġixxi lill-industrija biex tinvesti aktar.
Huwa kkonkluda billi qal li l-industrija għandha tuża dan iż-żmien biex tinvesti bil-għaqal bil-għan li tagħmel is-settur aktar kompetittiv u sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien.