Bejn Jannar u April ta’ din is-sena is-self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi fil-Gżejjer Maltin żdied b’madwar 8 fil-mija meta mqabbel mal-ewwel erba’ xhur tas-sena l-oħra.
Ċifri tal-Malta Libraries juru li kien hemm żieda ta’ 19,716-il ktieb fuq is-sena l-oħra, biex din is-sena is-self ta’ kotba diġà jammonta għal 243,844. Din l-istatistika tinkludi self ta’ ebooks, talking books u kotba minn libreriji fi djar tal-anzjani.
Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, mil-Librerija Ċentrali ta’ Beltissebħ ġew mislufa 33,515-il ktieb fiżiku li, fil-parti l-kbira tagħhom jew 70%, issellfu mis-sezzjoni tat-tfal. Il-libreriji reġjonali ta’ Ħal Luqa, Birkirkara u l-Mosta kienu l-aktar iffrekwentati.
F’Għawdex fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, ġew mislufa 33,073 ktieb. Wara l-Librerija Ċentrali tar-Rabat, il-libreriji fin-Nadur, ix-Xewkija u f’Għajnsielem kienu l-aktar li ntużaw.
Kien hemm żieda ta’ 62% fis-self ta’ ebooks meta mqabbel mal-ewwel erba’ xhur tal-2023. Is-sena l-oħra ġew mislufa 13,174 ebook mil-Libby App tal-Malta Libraries, filwaqt li din is-sena dawn żdiedu b’aktar minn 22,000 biex laħħqu l-35,313.