Proposta ta’ riforma strutturali tal-Edukazzjoni Sekondarja, se tibda tagħti importanza ndaqs lit-tliet tipi ta’ tagħlim: dik akkademika kif nafuha tradizzjonalment, dik vokazzjonali, u dik prattika.
Din ir-riforma se tiġi implimentata fis-sena skolastika 2019-2020. Ftit aktar min-nofs l-istudenti f’pajjiżna mhux jaslu bis-sistema preżenti tal-edukazzjoni u għalhekk qed tiġi proposta sistema ġdida li hija msesja fuq riċerka lokali u barranija li l-għeruq tagħha huma bbażati skont il-bżonnijiet tal-industrija.
Tliet skejjel sekondarji minn kulleġġi differenti se jibdew jingħaqdu skont biex studenti li se jagħmlu t-tranżizzjoni minn skola Medja għal dik Sekondarja jagħmlu dan skont is-suġġetti li jixtiequ jsegwu.
Tagħlim vokazzjonali jinkorpora suġġetti li qabel kienu offruti biss lil studenti li jiksbu riżultati tajbin, u jinkludu Inġinerija, Teknoloġija tal-Informatika u Ospitalita fost oħrajn. Filwaqt li tagħlim prattiku se jara l-introduzzjoni ta’ suġġetti bħal artiġġjanat, kostruzzjoni u l-arti kreattiva. Fejn qabel dawn is-suġġetti kollha kienu ristretti għal ċertu studenti issa se jkunu offruti lil kull student, u kull suġġett huwa akkreditat bl-istess mod. L-għalliema li se jkunu qed jgħallmu dawn is-suġġetti se jingħataw it-taħriġ neċċessarju minn istituzzjonijiet differenti fosthom il-Fakultá tal-Edukazzjoni fl-Universitá ta’ Malta, MCAST u l-ITS. Se jiġi ffirmat ukoll ftehim flimkien mal-Universitá Irlandiża li se tħarreġ għalliema fis-settur vokkazzjonali u dak applikat.
Ir-Riforma se ssir biex il-kunċett ta’ one size fits all jinqata u s-sistema edukattiva tippromwovi tagħlim li jaqbel lil kull student skont il-kompetenzi u x-xewqat tiegħu. Dawn se jkunu assessjati fl-aħħar tas-sena b’mod xieraq skont is-suġġetti u b’mod li ma jitfax piż żejjed fuq l-istudenti.
Intant ir-rifrorma qed tipproponi ukoll li kull skola sekondarja taħdem id f’id ma istituzzjonijiet vokazzjonali u edukattivi oħrajn biex l-istudenti jingħataw iktar opportunitajiet għal apprentistat. Fl-Istess ħin se joffru time tables iktar flessibbli għal dawk l-istudenti li jixtiequ taħlita ta studenti minn kull fergħa edukattiva, u li l-għalliema jingħataw taħriġ kontinwu biex ikunu effiċjenti f’kull fergħa. Dan apparti li l-istudenti se jingħataw gwida fl-għażla tal-karriera b’mod li jmur lil hinn mit-triq tradizzjonali ta’ xogħolijiet, kif ukoll li l-iskola tinkorpora r-riżorsi fiżiċi meħtieġa għas-suġġetti kollha.