Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, it-Turkija hija pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE u s-sejħa li għamlu ż-żewġ kandidati ewlenin għall-elezzjoni federali li se ssir dalwaqt fil-Ġermanja biex it-taħditiet dwar l-adeżjoni jintemmu hija kwistjoni li trid tiġi diskussa mill-Unjoni Ewropea, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela. Meta kien qed jindirizza lill-membri tal-istampa waqt laqgħa informali ta’ jumejn għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE f’Tallinn, qal ukoll li, irrispetivament mill-eżitu ta’ tali diskussjonijiet, it-Turkija tibqa’ sieħeb ewlieni tal-UE. Hu irrimarka li, “għandu jkollna relazzjonijiet mill-aqwa mal-pajjiżi sħabna, u għaldaqstant jinħtieġ li nibqgħu naħdmu mat-Turkija.”
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin iltaqgħu nhar il-Ħamis 7 u l-Ġimgħa 8 ta’ Settembru 2017 fil-kapitali tal-Estonja, minħabba li l-Estonja bħalissa għandha l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE. Il-laqgħat ippresediethom ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Federica Mogherini, u ospitahom il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Estonja Sven Mikser.
Intlaħaq qbil biex jingħata appoġġ għal aktar miżuri mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f’termini ta’ restrizzjonijiet ekonomiċi kontra l-Korea ta’ Fuq, bil-ħsieb li ssir pressjoni fuq Pjongjang wara l-aħħar testijiet nukleari u tal-missili ballistiċi. Ittieħdet ukoll id-deċiżjoni li l-UE timponi wkoll is-sanzjonijiet awtonomi tagħha jekk dan jitqies neċessarju għas-sigurtà tagħha. Il-Ministri qablu wkoll fuq il-bżonn li l-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani jitqajjem mill-ġdid u li jkunu mdaħħlin fih il-partijiet kollha li għandhom interess.
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin kellhom ukoll pranzu ta’ ħidma konġunt mal-Ministri tad-Difiża tal-Unjoni, li matulu ddiskutew it-twettiq tal-pakkett tas-sigurtà u d-difiża tal-UE. Dan il-pakkett huwa magħmul minn sensiela ta’ miżuri maħsubin biex titqawwa s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.
Saret ukoll sessjoni mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi kandidati – l-Albanija, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, u t-Turkija – biex jissieħbu fl-UE sabiex jiġu diskussi modi kif iż-żewġ naħat jistgħu jaħdmu flimkien biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti. Wara, il-Presidenza Estonjana organizzat pranzu ta’ ħidma ma’ rappreżentanti tal-pajjiżi li jifformaw is-sħubija tal-Lvant: inizjattiva konġunta bejn l-UE, l-Istati membri tagħha, u sitt pajjiżi sħab mil-Lvant tal-Ewropa: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna. Din il-laqgħa tat opportunità biex jiġu diskussi t-tħejjijiet għal-Laqgħa Għolja tas-Sħubija tal-Lvant li se ssir fi Brussell f’Novembru.
Fil-marġini tas-sessjonijiet Ministerjali plenarji, il-Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Polonja Witold Waszczykowski. Huma ddiskutew kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Polonja u Malta, li ilhom is-snin, filwaqt li jitjiebu wkoll ir-rabtiet kummerċjali.