L-interess u l-entużjażmu li ntwera fil-wirja tas-sejf ta’ de Valette wassal lil Heritage Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Mużew ta’ Louvre ta’ Pariġi, biex din il-wirja tibqa’ miftuħa f’pajjiżna sas-7 ta’ Settembru.
In-numru ta’ viżitaturi li żaru l-wirja qabeż l-aspettattiva, b’mod partikolari mill-viżitaturi lokali. Dan huwa dovut għall-fatt li s-sejf ta’ de Valette irritorna f’pajjiżna għall-ewwel darba mill-1798.
Din il-wirja, li hija l-aħħar waħda minn sensiela ta’ wirjiet ta’ livell għoli mtella’ mill-aġenzija nazzjonali, tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Presidenza Maltija tal-UE, kif ukoll mill-avvenimenti marbuta mal-Belt Valletta meta fl-2018 il-belt kapitali tkun rikonoxxuta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Il-wirja hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet, bil-parti prinċipali ddedikata u ffokata fuq is-sejf. Jikkumplimenta s-sejf hemm ukoll immaġini tri-dimensjonali tax-xabla maqtugħa fl-arja bl-użu tat-teknoloġija diġitali. Is-sejf u x-xabla kienu ngħataw lill-Granmastru de Valette bħala rikonoxximent għar-rebħa fl-Assedju l-Kbir. Ix-xabla ma setgħetx tinġieb f’Malta għal raġunijiet ta’ konservazzjoni.
Fil-wirja hemm ukoll oġġetti oħra mill-kollezzjoni nazzjonali relatati mal-wirja filwaqt li għal din l-okkażjoni ġie ppubblikat ukoll katalgu dettaljat dwar dawn iż-żewġ artefatti.
Il-wirja dwar is-sejf ta’ de Valette qegħda ssir fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-ftuħ tagħha ġie estiż sas-7 ta’ Settembru. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn id-9.00am u s-6.00pm, bl-aħħar dħul ikun fil-5.30pm. Id-dħul huwa abbinat mal-biljett regolari tad-dħul tal-mużew