Xahar wara li tilfet lil bintha ta’ 16-il sena f’inċident tat-traffiku, Cindy Mathis, sabet xi ħaġa li kienet ta’ għajnuna kbira għaliha fl-aktar żmien diffiċli ta’ ħajjitha. Din l-omm sabet 25 ittra li bintha kienet tat lilha bħala rigal f’għeluq snina.
Wieħed mill-envelopes li din il-bint preparat għal ommha, kien jgħid “Iftaħni…meta timmisjani.” L-ittri l-oħra kienu kollha simili, li jagħtu istruzzjonijiet lil omm biex tiftaħ dawn l-ittri meta tħossha waħedha fost oħrajn.
L-omm stqarret li wħud mill-ittri jgħinuha tidħak u oħrajn ibbikkuha, iżda dawn l-ittri qed jgħinuha ferm hekk kif jgħinuha tħoss lil bintha aktar viċin u li dawn l-ittri għaliha mhumiex biss kliem fuq biċċa karta.
Mathis, kienet insiet totalment dawn l-ittri, iżda meta kienet qed tnaddaf sabet waħda minn dawn l-ittri li kienet tgħid “Meta ma tkunx tista’ torqod.”
Din l-ittra kienet tgħid: “Irridek tkun taf li jiena inħobbok. Naħseb ma ngħidlekx biżejjed. Fid-dawl li ma tistax torqod wisq probabli inkwetata dwar xi ħaġa u għalhekk irridek tħoss kemm inħobbok.”
Fi żminijiet diffiċli xi kultant huma l-aktar affarijiet sempliċi li jtuna t-tama u l-għajnuna biex inkomplu mexjin ‘il quddiem.