Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Gvern li qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom bħalissa minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-Saħħa, il-Pulizija, l-Armata, l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali mid-Dipartiment tat-tindif u l-manutenzjoni.
Is-Sur Cutajar irringrazzja wkoll lill-dawk li qed iwasslu l-miżuri mħabbra mill-Gvern kif ukoll dawk li jaħdmu fil-qasam tal-komunikazzjoni. Semma wkoll lil dawk li jagħtu sehemhom sabiex jibqa’ għaddej kwalunke xogħol ieħor fosthom, benefiċċji soċjali, tmexxija ta’ djar. Dan sabiex minkejja l-kwistjoni tal-Coronavirus f’pajjiżna jintlaħqu miri u jiġu attwat miżuri kif kien previst.
Is-Segretarju Permanenti ewlieni saħaq li dan iż-żmien qed jagħti xhieda tat-tiġdid li sar matul is-snin fit-teknoloġija sabiex is-servizzi pubbliċi saru aċċessibbli online u anke għodod ta’ remote working u mużewijiet virtwali.
Huwa qal li hu ta’ privileġġ li kull ħaddiem fis-settur pubbliku qed jagħmel sforz f’din il-kwistjoni.