Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri pparteċipa waqt ITU-Telecom World 2019, organizzata mill-Missjoni Permanenti tal-Ungerija għan-Nazzjonijiet Uniti u mill-Unjoni Internazzjonali għat-Telekommunikazzjoni f’Budapest l-Ungerija.
L-għan tal-ITU-Telecom World 2019 hu li tixpruna l-innovazzjoni fl-ICT għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku permezz ta’ esebizzjonijiet li juru soluzzjonijiet, li jinqasam iżjed għarfien filwaqt li ġġib flimkien gvernijiet, korporattivi u intrapriżi żgħar tal-IT sabiex jaħdmu iżjed flimkien fuq politika għall-futur.
Meta kien qed jindirizza l-Ministri preżenti dwar is-suġġett li ffoka fuq l-irwol tal-gvern fil-5G u fejn għandu x’jaqsam network b’kapaċità għolja, is-Segretarju Parlamentari Schembri spjega li l-gvern f’dawn l-aħħar snin iffaċilita t-tqegħid ta’ network ta’ broadband ta’ veloċità kbira f’Malta u dan billi jkun assigurat ambjent kompetittiv u klima favorevoli li tinkoraġġixxi l-investiment u l-innovazzjoni b’network fissi u mobbli ta’ kapaċità għolja. Silvio Schembri żied li Malta hi fuq quddiem nett fl-Ewropa fid-disponibbiltà tal-broadband fiss b’mod ultraveloċi fuq bażi nazzjonali.
Silvio Schembri qal li l-5G hu rikonoxxut bħala sors li se jġib miegħu benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikanti kif ukoll se jippermetti l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali innovattivi.
“Saret konsultazzjoni pubblika dwar il-fattibilità tal-5G li uriet li f’Malta, imsieħba ewlenin jaraw il-bżonn tal-5G u tas-servizzi li se jippermetti. Madanakollu, diskussjonijiet dwar is-suġġett iridu jsiru fuq firxa iżjed wiesgħa u b’mod ħolistiku”.
Aktar kmieni fil-ġimgħa li għaddiet, is-Segretarju Parlamentari formalment talab lill-Ispeaker tal-Parlament Malti biex is-suġġett dwar il-5G ikun diskuss fil-Kumitat dwar is-Saħħa li se jservi bħala punt sabiex ilaqqa’ lil dawk kollha involuti li jressqu l-ħsibijiet tagħhom u l-istudji u jkunu saru bħala parti mit-trasformazzjoni diġitali.
Silvio Schembri spjega li diskussjonijiet dwar it-trasformazzjoni diġitali jsiru kontinwament kemm fuq livelli lokali u internazzjonali. Fil-fatt, riċentament Malta kkonsultat dwar politika ġdida dwar spettru tar-radju ġdid immirat li jinkoraġġixxi iżjed investiment relatat mal-5G u dan kollu skont il-kodiċi ġdid Ewropew dwar il-komunikazzjoni elettronika.
Silvio Schembri żied jgħid li l-Gvern Malti adotta pożizzjoni proattiva – dik li jħaddan teknoloġija bħal Blockchain, Intelliġenza Artifiċjali, Esport u Internet of Things – fl-istess waqt li hu kommess li jinvesti fid-diġitizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sabiex jaqdi aħjar liċ-ċittadini.
Is-Segretarju Parlamentari żar l-esebizzjoni fejn kumpaniji kbar esebixxew proġetti prototipi marbuta mal-5G. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni Jesmond Bugeja akkumpanja lis-Segretarju Parlamentari Schembri.
Ritratti (OPM_PS)